REPUBLIC DAY HONOURS AND AWARDS
On Republic Day each year, the President, on behalf of the Government and people of Malta, pays public tribute to a number of Maltese citizens who distinguish themselves in different fields of endeavour, by appointing them to The National Order of Merit or to the Xirka Ġieħ ir-Repubblika, or by awarding them the Midalja għall-Qadi tar-Repubblika. Nationals of other countries may be conferred with honorary membership of the Order or of the Xirka or awarded the Midalja għall-Qadi tar-Repubblika on an honorary basis. In rarer cases the Midalja għall-Qlubija canbe awarded, even posthumously, to a Maltese citizen for an act of exceptional bravery.
This year's Investiture Ceremony again took place at The Palace, Valletta, on Friday, 13 December 2002, immediately following the customary Ceremonial Parade held at the Palace Square.
During the Ceremony, three Officers and five Members were appointed to the Order and six individuals were awarded the Midalja għall-Qadi tar-Repubblika. Moreover two honorary members were appointed to the Order in the grade of Officer.
The Investiture Ceremony was the culmination of this year's process which started with a call for nominations made in September to which a number of citizens responded by putting forward their nomination.
A short biographical note on each of the sixteen distinguished persons honoured this year follows.
…/…
L-ORDNI NAZZJONALI TAL-MERTU
UFFIĊJAL
ANTHONY E. BORG BARTHET U.O.M.
Wara li ngħaqad maċ-Ċivil bħala nutar tal-gvern fl-1975, serva bħala Avukat tar-Repubblika u Assistent Avukat Ġenerali qabel ma laħaq Avukat Ġenerali fl-1989. Fil-fatt huwa l-Avukat Ġenerali li serva għall-itwal żmien fil-perijodu ta’ wara l-gwerra u bla ebda dubju huwa ħalla marka li ma titħassarx fuq il-kariga li għadu jokkupa. Fil-proċess huwa ġibed ir-rispett tal-kollegi tiegħu fil-professjoni legali, fil-ġudikatura u fis-servizz pubbliku in ġenerali. Apparti l-kapaċitajiet tiegħu bħala prosekutur, huwa meqjus minn sħabu li għandu ħila kbira fl-abbozzar ta’ liġijiet. Hu kien u jibqa’ l-iżjed legal drafter kapaċi f’perijodu importanti fl-iżvilupp ta’ Malta, perijodu li jibqa’ kkaratterizzat ukoll mill-wesgħa u min-numru kbir ta’ liġijiet mgħoddija mill-Kamra tar-Rappreżentanti. Fit-total tagħhom dawn jaqbżu n-numru ta’ liġijiet li saru fis-snin kollha ta’ qabel. Il-mod kif huwa għeleb diffikultajiet personali biex laħaq il-miri tiegħu jibqa’ ta’ ispirazzjoni u eżempju għal ħafna.
CHARLES E PUGLISEVICH U.O.M.
Is-Sur Puglisevich qed jiġi onorat fl-isfond ta’ parametri stabbiliti biex jingħaraf is-servizz twil u effiċjenti li jkunu taw rappreżentanti konsulari Maltin barra minn Malta.
Maħtur Konslu Onorarju ta’ Malta fil-Lvant tal-Kanada fl-1984 u Konslu Ġenerali Onorarju s-sena ta’ wara, wara li kien emigra għall-Kanada fl-1960 u, għal darba oħra, fl-1984. Hu dejjem ta servizz effiċjenti u eċċellenti lill-art twelidu, li tagħha riċentement reġa’ kiseb iċ-ċittadinanza, matul it-tmintax-il sena li hu rrapreżenta lil Malta uffiċjalment. Għal żmien itwal hu kostantement ħadem bla heda biex ippromova d-dehra, il-wirt u l-potenzjal kummerċjali ta’ Malta fil-Kanada u lil hinn minnha. Matul is-snin il-kumpanniji tiegħu fil-Kanada ħaddmu ’l fuq minn mitejn Malti. Hu kompla personalment jiġbor fondi għal organizzazzjonijiet filantropiċi f’Malta u għen ħafna żgħażagħ biex isegwu l-karrieri artistiċi u edukattivi tagħhom barra xtuthom.
LARRY ZAHRA U.O.M.
Is-Sur Zahra qed jiġi onorat fl-isfond ta’ parametri stabbiliti biex jingħaraf is-servizz twil u effiċjenti li jkunu taw rappreżentanti konsulari Maltin barra minn Malta.
Il-Konslu Onorarju ta’ Malta f’Michigan fl-Istati Uniti bejn l-1980 u l-1989 u Konslu Onorarju Ġenerali minn dik is-sena ’l hawn. Fl-1951 huwa kien emigra lejn l-Istati Uniti fejn kien kompla bl-istudji tiegħu fil-marketing u bankjar. Minn dak iż-żmien huwa ta servizz effiċjenti u eċċellenti lill-art twelidu, li tagħha reġa’ riċentement kiseb iċ-ċittadinanza. Kien il-president tal-Maltese American Benevolent Society Incorporated għal tmien snin u għadu l-president tal-Maltese American Community Club f’Michigan. Huwa għadu jżur Malta regolarment biex jiddiskuti materji ta’ interess għall-Maltin ta’ barra u hu partikolarment attiv fil-qasam tat-turiżmu Malti.
UFFIĊJAL ONORARJU
QUENTIN HUGHES U.O.M.
Awtur irrispettat li ddistingwa lilu nnifsu fil-promozzjoni ta’ Malta bħala ċentru importanti ta’ arkitettura militari u barokka. Huwa ppubblika numru kbir ta’ studji fil-fond fuq l-arkitettura Maltija mill-perijodu pre-istoriku sa dak kontemporanju. Hija iżda r-riċerka pijuniera tiegħu fuq il-bini barokk u l-fortifikazzjonijiet militari ta’ gżiritna li saret l-iżjed magħrufa u li kienet strumentali għall-bidu u t-tkomplija ta’ ħafna studji li segwew anke minn oħrajn f’dan il-qasam. Il-fatt li l-pubblikazzjonijiet tiegħu jinqraw madwar id-dinja kkontribwixxa bil-kbir biex l-arkitettura ta’ Malta tqegħdet fuq pjattaforma internazzjonali. Il-kontribut tiegħu għall-istorja ta’ l-arkitettura fil-gżejjer Maltin huwa testment li jixraqlu li jinżamm f’għożża mill-ġenerazzjonijiet tal-lum u dawk li għad iridu jiġu.
BRANCO LUSTIG U.O.M.
Personalità rispettata fl-industrija taċ-ċinematografija u produttur tal-films ta’ fama internazzjonali. Fl-1999 huwa rebaħ it-tieni Academy Award bħala ko-produttur, ma’ Ridley Scott, tal-film Gladiator li kellu bàġit ta’ mitt miljun dollaru Amerikan u li biċċa kbira minnu kien inġibed Malta s-sena ta’ qabel. Dik l-esperjenza pożittiva xprunatu biex jerġa’ jagħżel lil Malta għal film ieħor b’bàgit kbir, Tripoli, li l-ġbid tiegħu hu maħsub li jibda fl-2004. Fost il-produzzjonijiet tiegħu l-iżjed famużi wieħed isib Fiddler on the Roof u Sophie’s Choice. Fl-1997 huwa rebaħ l-ewwel Academy Award għall-produzzjoni tal-film klassiku ta’ Stephen Spielberg Schindler’s List. Imwieled fil-Kroazja fl-1932, huwa beda fl-industrija tal-films wara li bata sentejn f’kamp ta’ konċentrament waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-kontribut tiegħu għall-validità dejjem tikber ta’ l-industrija tal-films f’Malta huwa wieħed kbir.
MEMBRI
ĠANNI BONNICI M.O.M.
Wieħed mill-iskulturi ewlenin Maltin, hu wkoll ċeramista, f’liema sengħa kien pijunier, u midalist prolifiku. F’Malta ftit huma dawk il-bliet u rħula li m’għandhomx xi xogħol jew ieħor tiegħu, imma forsi ż-żewġ eżempji l-iżjed magħrufin u nostalġiċi huma l-Monument ta’ l-Indipendenza fil-Furjana u l-Monument għall-Papa Ġwanni Pawlu II fis-Santwarju tal-Madonna l-Mellieħa. Ix-xogħlijiet tiegħu ntwerew f’numru ta’ pajjiżi u eżempji ta’ statwi monumentali li ħadem jinstabu f’bosta knejjes u pjazez fl-Italja u fl-Istati Uniti. L-istatwa tal-bronż ta’ Kristu Rxoxt, għolja 3.5 metri, u l-monument massiv ta’ sitta u għoxrin martri tal-Ġappun li hemm fil-faċċata ta’ barra tal-knisja fi Bradford fil-Kanada, huma xempji partikolarment tipiċi u magħrufa barra xtutna tal-ħila tiegħu fl-iskultura.
JOSEPH BORG M.O.M.
Imħarreġ fil-komunikazzjoni soċjali, suġġett li fih segwa l-istudji tiegħu fil-Kanada wara l-ordinazzjoni tiegħu bħala qassis fl-1977. Wara li rritorna Malta mexxa u rrijorganizza l-uffiċċju ta’ l-istampa tal-Kurja Arċiveskovili. Fl-1980 kien strumentali fil-bidu tax-xandir ta’ programmi edukattivi fuq ir-radju fl-iskejjel tal-Knisja. Waqqaf il-Media Centre u ta bidu għall-istampar tal-ġurnal ta’ kull ġimgħa ‘Il-Ġens’. Fl-1987 inħatar ko-ordinatur għax-xandir reliġjuż fuq it-televiżjoni u r-radju ta’ l-Istat u fl-1991 waqqaf l-istazzjon tar-radju tal-Knisja RTK. Kien ukoll il-Kap tas-Segretarjat għall-Mezzi ta’ Komunikazzjoni Soċjali. Fl-1998 rebaħ l-ewwel edizzjoni tal-Gold Award tal-Press Club għall-kontribut eċċellenti tiegħu lill-ġurnaliżmu professjonali. Personalità magħrufa fuq il-mezzi tax-xandir, barra li hu għalliem tal-Communications Studies fl-Università ta’ Malta, fil-preżent huwa wkoll il-konsulent tal-Gvern fuq ir-ristrutturar tal-PBS u ta’ l-Università dwar ir-radju Campus FM.
LAWRENCE CIANTAR M.O.M.
Inġinier ta’ personalità dinamika, huwa kellu rwol importanti fl-iżvilupp infrastrutturali ta’ Malta fil-perijodu kruċjali ta’ wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija meta l-pajjiż kien nieqes mir-riżorsi. Ismu sar partikularment assoċjat ma’ l-iżvilupp tas-sistema tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ l-elettriku f’Malta. Fil-bidu tal-karriera tiegħu kien impenjat bħala inġinier responsabbli għall-implimentazzjoni tal-proġett tal-Power Station li nbniet taħt Jesuits Hill, il-Marsa. Bejn l-1954 u l-1958 kien ko-ordinatur tal-bidla tas-sistema nazzjonali tad-distribuzzjoni ta’ l-elettriku. Aktar tard hu kellu l-inkarigu tal-proġett tal-bini tal-Power Station eżistenti tal-Marsa kif ukoll ta’ l-estensjonijiet kollha tagħha. Fl-aħħar tas-snin tmenin huwa kien responsabbli għall-ippjanar u kostruzzjoni tal-Power Station f’Delimara. Huwa serva bħala konsulent ma’ l-UNDP. Għal snin twal kien il-General Manager tal-Malta Electricity Board likien il-prekursur tal-Korporazzjoni Enemalta. Huwa kien inħatar ukoll Chairman tal-Korporazzjoni fejn baqa’ sakemm irtira. Għadu sal-lum iservi fuq impenji tal-gvern.
ALBERT FENECH M.O.M.
Associate Professor tal-Mediċina u Konsulent Kardjologu li hu totalment iddedikat għall-professjoni tiegħu u li fl-1995 għażel li jirritorna Malta wara għoxrin sena ta’ taħriġ speċjalizzat u xogħol bħala konsulent tal-qalb fir-Renju Unit u l-iStati Uniti. F’Malta rnexxielu jwaqqaf tim imħarreġ ta’ Maltin ta’ kardjoloġi, infermiera kardijaċi, radjografi kardijaċi, u tekniċi kardijaċi, biex seta’ jingħata servizz speċjalizzat tal-qalb f’Malta u b’hekk titneħħa l-ħtieġa li pazjenti tal-qalb imorru barra għall-kura, kif kien il-każ sa ftit snin ilu. L-atitudni ġentili u professjonali li kull membru tal-Catheterization Service jipprovdi hija tabilħaqq ta’ min għandna nkunu kburin minnha. Il-laboratorju huwa wieħed impenjat li joffri servizzi pprovduti biss f’numru żgħir ħafna ta’ bliet Ewropej. Il-mod uman tiegħu jgħin il-pazjenti u l-familji tagħhom jiffaċċjaw aħjar l-inċertezzi kkawżati minn dijanjożi koronarja.
MARIN HILI M.O.M.
Ismu huwa sinonimu mal-Malta Freeport. Kien diġà rnexxa bħala kummerċjant meta fl-1988 il-Gvern talbu jieħu f’idejh l-implimentazzjoni tal-kunċett tal-Freeport. Bniedem ta’ viżjoni li kien jaf ikabbar l-industrija marittima Maltija f’dinja ta’ alleanzi ta’ kumpanniji tal-vapuri u portijiet kompetittivi għall-aħħar, irnexxielu b’mod eċċezzjonali jikseb il-mira li kien daħal għaliha. Biżżejjed wieħed isemmi li fil-ħmistax-il sena li huwa mexxa b’abbiltà kbira l-Malta Freeport, huwa ttrasforma l-entità minn proġett li kien idawwar inqas minn tmint elef TEU fis-sena għal dak li issa hu t-tielet l-akbar ċentru tat-trasbord fil-Mediterran li jdawwar iżjed minn miljun TEU fis-sena. Fil-proċess irnexxielu jattira x-xogħol ta’ wħud mill-akbar kumpanniji internazzjonali tat-trasbord billi seta’ wkoll jipponta lejn track record uniku u billi seta’ joffri l-iżjed faċilitajiet moderni ddedikati għat-trasbord.
MIDALJA GĦALL-QADI TAR-REPUBBLIKA
KARMEN AZZOPARDI M.Q.R.
Attriċi drammatika ta’ ħila, hija ħadmet fuq il-palk minn età żgħira ħafna qabel ma marret titħarreġ Londra fejn studjat ukoll ix-xandir mal-BBC. Fl-1952 ingħaqdet mal-British Institute Players fejn kellha l-opportunità taħdem taħt numru ta’ diretturi professjonali Ingliżi. Hekk kif il-karriera tagħha mxiet ’il quddiem hi ħadmet ma’ diversi kumpanniji teatrali f’Malta, fosthom l-MUT Players, l-MADC, il-Malta Drama League u l-Malta Talent Artists. Hija ħadet sehem f’numru kbir ta’ okkażjonijiet fuq il-palk, ir-radju u t-televiżjoni u r-repertorju tar-rwoli li ħadmet ikopri xogħlijiet ta’ diversi awturi magħrufa Maltin u barranin. Fost il-ħafna unuri li rebħet insibu t-Trofej ta’ l-Aħjar Attriċi fl-1960, il-Manoel Theatre Award fl-1965 u l-Golden Star Award darbtejn bħala l-aħjar attriċi fi drammi tar-radju. Hija ko-fundatriċi ta’ l-Atturi Theatre Group.
RICHARD CANNATACI M.Q.R.
Wieħed mill-ewwel għalliema tal-għomja f’Malta, huwa kiseb id-diploma tal-College of Teachers of the Blind ta’ Londra fl-1960. Iddedika ’l fuq minn erbgħin sena ta’ ħajtu jgħallem l-għomja u dawk neqsin mid-dawl fl-iskejjel ta’ l-Istat u baqa’ jgħinhom anke wara li rtira fis-snin sebgħin f’ċirkustanzi diffiċli. Bħala membru tal-Wireless for the Blind Fund minn ftit xhur wara li twaqqaf il-Fund fl-1964 sal-ġurnata tal-lum, huwa kkontribwixxa bil-kbir għall-iżvilupp ta’ servizzi għall-komunità tal-għomja f’Malta. Id-dedikazzjoni kontinwa tiegħu hija kkaratterizzata mill-fatt li kien jibqa’ volontarjament jgħallem lill-istudenti tiegħu minn daru wara l-ħin ta’ l-iskola. Kien ukoll jagħtihom għajnuna u pariri biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja inqas dipendenti permezz ta’ kapaċitajiet aħjar edukattivi u soċjali. Il-kontribuzzjonijiet tiegħu għall-introduzzjoni tas-sistema tal-Braille f’Malta kienet ta’ siwi kbir.
ANNA COSTIGAN M.Q.R.
Għalliema professjonali u Kap ta’ Skola rtirata, li kellha karriera twila fil-volontarjat. Għal żmien twil kienet iċ-Chief Commissioner tal-Malta Girl Guides Association, f’liema assoċjazzjoni kienet membru għal ħamsin sena u li fiha għadha attiva. Hi ddedikat ħafna mill-perjodu tal-ħajja tax-xogħol tagħha biex jitnisslu valuri korretti fiż-żgħażagħ Maltin waqt is-snin formattivi tagħhom, qasam li fih kienet ikkwalifikata ħafna permezz ta’ studji f’istituzzjonijiet edukattivi f’Malta, l-Ingilterra u l-Istati Uniti. Is-servizz tagħha fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni kien jinkludi perijodu mal-Youth Service Organisation li waqtu hija mexxiet il-President’s Award Scheme u organizzat korsijiet ta’ leadership. Xogħol ieħor tagħha fil-qasam tal-volontarjat ikopri oqsma bħal ma huma s-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar, il-Fondazzjoni Richmond, u l-ħaddiema ta’ Madre Teresa.
FRANCO MASINI M.Q.R.
Għawdxi li wera ħila naturali għall-komunikazzjoni miktuba minn età zgħira, meta ħadet l-għeruq ukoll l-imħabba tiegħu għall-Melitensja. Wara li daħal fiċ-Ċivil bħala Uffiċjal ta’ l-Informazzjoni, huwa biddel il-karriera tiegħu u ngħaqad ma’ Simonds Farsons Cisk Ltd fejn, maż-żmien, okkupa diversi karigi maniġerjali u ta’ direttur. Il-kontribut li ta lill-industrija lokali ma kenitx ristretta għall-kumpannija li magħha qatta’ l-parti l-kbira tal-ħajja tax-xogħol tiegħu għaliex hu assuma rwol ewlieni f’diversi korpi kostitwiti li lilhom ilkoll tahom servizz prezzjuż. Kien il-President tal-Federazzjoni ta’ l-Industrija darbtejn, bejn l-1983 u l-1984 u għal darba oħra fl-1993, wara li serva bħala l-President tal-Korporazzjoni tal-Fieri ta’ Malta fis-sebgħinijiet. Kien ukoll President ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem ta’ Malta u membru attiv ta’ numru ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali oħrajn.
JOSEPH SAMMUT M.Q.R.
Wieħed mill-aħjar diretturi Maltin tal-mużika ta’ wara l-gwerra u kompożitur. Hu ngħaqad ma’ l-orkestra tal-Commander-in-Chief tan-Navy Ingliża bħala fagottista matul it-Tieni Gwerra Dinjija qabel ma rebaħ numru ta’ boroż ta’ studju f’Londra fejn hu studja d-direzzjoni tal-mużika taħt numru ta’ diretturi magħrufa bħal Sir Malcolm Sargent u Clarence Raybould. Aktar tard huwa waqqaf u sar id-direttur residenti ta’ l-Orkestra tat-Teatru Manoel, kariga li żamm għal ħamsa u għoxrin sena, bejn l-1968 u l-1993. Huwa dderiġa wkoll numru ta’ orkestri prestiġjuzi barra minn Malta, fosthom il-London Symphony Orchestra u l-Kyoto Symphony Orchestra. Bħala kompożitur kiteb għadd ta’ xogħlijiet, fosthom marċi tal-banda, oratorji, suites orkestrali, sinfoniji u xogħlijiet korali. Waħda mill-kompożizzjonijiet importanti tiegħu, ir-Requiem, indaqqet b’suċċess partikulari f’Konstanz il-Ġermanja fl-1990.
HILARY TAGLIAFERRO M.Q.R.
Patri Agostinjan u filantropu involut tul ħajtu fi proġetti soċjali u komunitarji, fosthom inizjattivi mmirati lejn iż-żgħażagħ u r-rijabilitazzjoni ta’ l-inmates tal-ħabs u dawk li jieħdu d-drogi. Fis-snin sebgħin waqqaf fil-Marsa ċ-Ċentru Sports Edukattiv li s-suċċess tiegħu llum jitqies mill-fatt li ċ-Ċentru għandu tnejn u erbgħin nursery f’Malta u Għawdex, barra l-Iskola Sport li hemm fil-Marsa. F’dawn l-aħħar snin hu kkonċentra l-enerġiji tiegħu fuq il-problemi partikulari li jaffaċċjaw ir-residenti u dawk li jżuru Paceville. L-isforzi tiegħu ġibdu r-rispett ta’ dawk kollha li huma xhieda tal-mod Kristjan li bih jaqdi x-xogħol pastorali tiegħu. Illum huwa x’aktarx li magħruf iżjed bħala l-moħħ wara l-Millennium Chapel f’Paceville. Dan il-proġett modern u innovattiv ikkrea oażi tanġibbli ta’ paċi f’post fejn il-ħajja ta’ kuljum hija waħda frenetika u storbjuża. Fost l-oħrajn il-kappella għandha l-iskop li tbiddel il-perċezzjoni taż-żgħażagħ li jfittxu r-rikreazzjoni tagħhom fil-lokalità ta’ divertiment l-iżjed popolari f’Malta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en