DELEGAZZJONI MILL-UFFICCJU TA’ L-OMBUDSMAN TAL-GZEJJER SEYCHELLES FUQ ZJARA F’MALTA
Wara laqgħat li saru s-sena li għaddiet bejn l-Ombudsman is-sur Joseph Sammut u Dr Bernardin Renaud, l-Ombudsman tal-gżejjer Seychelles, delegazzjoni minn dan il-pajjiż qattgħet l-aħħar ġimgħa ta’ Novembru fostna biex tara mill-qrib kif jaħdem l-Uffiċċju ta’ l-Ombudsman f’Malta u ssir taf aktar dwar il-ħidma ta’ din l-istituzzjoni. Fir-repubblika tas-Seychelles l-Uffiċċju ta’ l-Ombudsman twaqqaf skond il-kostituzzjoni ta’ dan il-pajjiż fl-1994.
L-għan ewlieni ta’ din iż-żjara kien biex id-delegazzjoni mis-Seychelles tkun tista’ tara u tistudja fil-fond il-proċeduri u s-sistemi li jimxi fuqhom l-Uffiċċju ta’ l-Ombudsman f’Malta u l-mod kif jaħdem dan l-Uffiċċju meta jinvestiga l-ilmenti ta’ min jidhirlu li ma ngħatax trattament xieraq mis-settur pubbliku f’pajjiżna.
Waqt iż-żjara tagħha d-delegazzjoni mill-gżejjer Seychelles uriet interess qawwi f’sistema ġdida komputerizzata li l-Uffiċċju ta’ l-Ombudsman f’Malta beda juża dan l-aħħar gimgħat. Din is-sistema tiġbor it-tagħrif kollu dwar il-każijiet li jitressqu quddiem l-Ombudsman; b’hekk jistgħu jitħejjew rapporti regolari sew dwar kif ikun mexa x-xogħol fuq każijiet li jkunu ngħalqu waqt li tinzamm ukoll l-aħħar statistika dwar każijiet oħra li jkunu għadhom qed jiġu investigati. Bis-saħħa ta’ dan it-tagħrif ix-xogħol fl-istituzzjoni ta’ l-Ombudsman jimxi ‘l quddiem b’aktar effiċjenza.
Waqt din iż-żjara f’Malta d-delegazzjoni mis-Seychelles li kienet magħmula mill-Ombudsman ta’ dan il-pajjiż u mis-sinjura Anne Ping Cheun li hija Principal Investigator, ittrattaw aspetti oħra importanti dwar il-ħidma ta’ l-Uffiċċju ta’ l-Ombudsman f’Malta mas-sur Sammut kif ukoll ma’ membri oħra ta’ l-istaff ta’ dan l-Uffiċċju. Fost suġġetti oħra saru diskussjonijiet dwar id-dritt taċ-ċittadin għal amministrazzjoni tajba, it-tmexxija ta’ investigazzjonijiet b’mod imparzjali mill-Ombudsman, l-għoti ta’ kumpens xieraq lil min ikun bata minn xi nuqqas mis-settur pubbliku u sistema ta’ amministrazzjoni pubblika fejn kulħadd hu responsabbli għal għemilu u fejn kollox isir b’mod miftuħ.
Fit-tmiem taż-żjara tagħha f’Malta d-delegazzjoni mill-gżejjer Seychelles uriet l-apprezzament tagħha għall-mod kif twettaq dan il-proġett ta’ kooperazzjoni bejn l-uffiċċju ta’ l-Ombudsman taż-żewġ pajjiżi. Il-membri tad-delegazzjoni fissru wkoll il-fehma tagħhom li l-esperjenza li kisbu f’Malta matul din il-gimgħa sejra tkun mill-aktar siewja meta jmorru lura f’pajjiżhom biex l-istituzzjoni ta’ l-Ombudsman fis-Seychelles ikunu jistgħu jsaħħuha u jagħtuha aktar importanza.
Stqarrijiet Oħra:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en