MESSAĠĠ MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR EDDIE FENECH ADAMI, GĦALL-MILIED U S-SENA L-ĠDIDA LILL-MALTIN U GĦAWDXIN LI JGĦIXU BARRA MINN MALTA
Ħuti Maltin u Għawdxin,
Huwa pjaċir kbir tiegħi li għal darb’oħra meta qed joqrob il-Milied, u wasalna lejn tmiem is-sena, insellem lilkom ilkoll, Maltin u Għawdxin li qed tgħixu barra minn Malta. F’dan iż-żmien naħseb li aħna lkoll inħossuh dmirna li nagħtu ħarsa lura lejn is-sena li tkun waslet biex tispiċċa....u nħarsu, nittama jien, b’kuraġġ lejn is-sena li dalwaqt tibda.
Is-sena li waslet biex tispiċċa kienet sena li naħseb li kienet karatterizzata minn problemi illi bil-mod nidrawhom. Qiegħed nirreferi, b’mod partikolari, għal problema ġdida tat- terroriżmu - terroriżmu bla qalb, terroriżmu fuq skala illi qatt ma rajna bħalha, terroriżmu li jolqot lil ħafna nies innoċenti. Niftakru f’dak li ġara f’Settembru ta’ l-2001 fi New York, imma niftakru wkoll f’dak li ġara f’Bali ftit tal-ġimgħat ilu meta numru ta’ persuni mill-Awstralja, u whud minnhom ukoll ta’ dixxendenza Maltija, tilfu ħajjithom f’attakk terroristiku. Hija realtà ġdida li ġġiegħlna lkoll, il-pajjiżi kollha, ningħaqdu flimkien f’alleanza, determinazzjoni, illi niġġieldu kontra dan it-terroriżmu ġdid li qed naraw quddiemna.
Kienet sena wkoll illi ma kinitx, nistgħu ngħidu, waħda tajba fil-qasam ta’ l-iżvilupp ta’ kull pajjiż. L-ekonomija tista’ tgħid tal-pajjiżi kollha, jekk mhux staġnat, żgur li ma mxietx ’il quddiem b’ritmu mgħaġġel biżżejjed. Aħna hawn Malta, għal grazzja ta’ Alla, irnexxielna nilqgħu għal dawn il-problemi. L-ekonomija tagħna għalkemm ma baqgħetx miexja b’ritmu ta’ żvilupp qawwi daqs is-snin ta’ qabel, baqgħet miexja ’l quddiem u qegħdin nikkalkulaw illi s-sena se nispiċċawha b’żieda ta’ kważi tlieta fil-mija fuq il-prodott gross domestiku. Dan huwa ta’ sodisfazzjon żgur għal poplu Malti u Għawdxi kollu għax nafu illi ladarba l-ġid kompla jitkattar, dak il-ġid irid jitqassam, u, naħseb li hija politika li żgur ilkoll hawn Malta naqblu fuqha, li rridu niżguraw li l-ġid jitqassam b’mod illi jgawdi kulħadd. U naħseb dan irnexxielna nagħmluh f’din is-sena li waslet biex tispiċċa.
Din is-sena kienet għalija interessanti ħafna għax tatni l-opportunità li mmur l-Awstralja darbtejn. It-tieni darba mort ukoll New Zealand. U għal darb’oħra ġejt milqugħ mill-Maltin u l-Għawdxin kollha ta’ l-Awstralja u ta’ New Zealand, u nassigurakom illi kull persuna politika f’Malta meta tiġi u jkollha okkażjoni tiltaqa’ magħkom tapprezza kif inthom tilqgħuna, u napprezzaw aħna kemm inthom bqajtu interessati f’dak li qed jiġri f’pajjiżna. Reċentement ġie jżurkom ukoll il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u m’għandix dubbju illi lqajtuh bl-istess mod - għax hemm ħaġa waħda li tghaqqadna lkoll flimkien, dik illi aħna lkoll Maltin.
Kienet sena illi kif għidt tatni opportunità oħra li niġi l-Awstralja matul din is-sena għall-meeting tal-Kapijiet tal-Commonwealth. Ħadt pjaċir inkun hemm.... il-Commonwealth - tant pajjiżi differenti minn xulxin - imma hemm xi ħaġa li diffiċli tiddiskriviha, illi tghaqqadna ma’ xulxin. U din id-darba, l-Awstralja taħt il-presidenza - għax iċ-Chairman kien il-Prim Ministru ta’ l-Awstralja - tatna okkażjoni li nsiru nafu aktar lil xulxin, u naraw kif il-pajjiżi tal-Commonwealth nistgħu nikkoperaw aħjar għall-iżvilupp tal-pajjiżi tagħna.
Irridu nħarsu ’l quddiem. Is-sena li ġejja sejra tkun sena ta’ deċiżjoni għalina l-Maltin. U qiegħed ngħid il-Maltin, mhux aħna hawn Malta biss, għax żgur illi d-deċiżjoni ewlenija li sejrin nieħdu sejra tkun ta’ interess għalikom l-Maltin u l-Għawdxin li tgħixu barra minn Malta wkoll.
Nirreferi għal fatt illi fil-bidu tas-sena rridu niddeċiedu b’vot popolari, jiġifieri bid-deċiżjoni tal-poplu tagħna, jekk Malta għandhiex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Hemm għaxar pajjiżi illi kollha qegħdin jippruvaw jissieħbu fl-Unjoni Ewropea. Kollha jaqblu li l-Unjoni Ewropea hija għaqda ta’ pajjiżi demokratiċi li jaħdmu għas-sliem, għall-paċi, fl-Ewropa u lil hinn mill-Ewropa. Kollha naqblu, l-għaxar pajjiżi kandidati, illi l-Ewropa tfisser li napplikaw bejnietna l-prinċipji tas-solidarjetà. Jiġifieri li l-pajjiżi kollha jagħmlu ħilithom biex il-popli kollha jimxu ’l quddiem u jakkwistaw livell ta’ għixien aħjar. Hija deċiżjoni mhux faċli, deċiżjoni li sejrin naffrontaw hawn Malta, u r-riżultat tagħha, kif għidt, jaffettwa b’xi mod lilkom ilkoll.
Meta nidħlu fl-Unjoni Ewropea, mhux biss nibqgħu ċittadini Maltin, imma nsiru wkoll ċittadini ta’ l-Ewropa bid-drittijiet li dan iġib miegħu. Naħseb irridu nħarsu ’l quddiem b’kuraġġ u nkunu żguri li l-għażla li sejrin nagħmlu, tkun għażla mhux biss għalina, imma b’mod partikolari tkun l-għażla t-tajba għal uliedna.
Kif għidt, qegħdin fi żmien il-Milied. Iż-żmien tal-festi kbar, iż-żmien meta lkoll inħossuna ferħanin fl-għaqda tal-familji tagħna, ilkoll ngħożżu t-tradizzjonijiet tagħna. Ilkoll ngħożżu t-twemmin tagħna. U jiena nixtiqilkom ilkoll, fid-djar tagħkom, sliem u hena fil-ġranet tal-Festi tal-Milied u, għas-sena d-dieħla, jekk Alla jrid, naraw li jkollna sena mimlija riżq u hena għalina lkoll.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en