16,000 BOZZA JIXGĦELU L-PROMENADES TA’ TAS-SLIEMA U SAN ĠILJAN
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern preżenti kien ħaseb biex flimkien mat-tisbiħ tal-promenades ikun hemm servizz ta’ manutenzjoni li jingħata b’mod regolari. Hu qal li b’hekk biss il-promenades setgħu jinżammu fi stat tajjeb.
Dan qalu il-Ministru waqt diskors li għamel hekk kif xegħel dawl dekorattiv għall-festi tal-Milied tul il-promenades ta’ tas-Sliema u San Ġiljan
Francis Zammit Dimech qal li f’Tas-Sliema u San Ġiljan il-Gvern kien investa Lm2 miljun fi proġetti ta’ tisbiħ tul żewġ kilometri u nofs ta’ promenade. Hu qal li permezz ta’ dan il-proġett tkabbar il-promenade ta’ tas-Sliema b’50 fil-mija aktar milli kien filwaqt li nbidel il-paviment, saru dwal dekorattivi ġodda u tqiegħdet għamara ġdida.
Francis Zammit Dimech qal li wara li tlestew l-ewwel żewġ fażijiet tal-promenade ta’ San Ġiljan, bħalissa qed titwettaq it-tielet fażi li mistenni titlesta sa` qabel is-sajf li ġej. Hu qal li din it-tielet fażi nqasmet ukoll f’żewġ partijiet. L-ewwel parti, li mistennija titlesta sal-20 ta’ Diċembru, tkopri l-parti bejn is-City of London Bar sa Misraħ il-Balluta. Din il-fażi inkorporat xogħol estensiv li jinkludi
- Il-bini ta’ service ducts għal marine cable għall-Vodafone li jaqsam is-sit fejn qed isir ix-xogħol,
- It-tqegħid ta’ servizzi, li jinkludu gandotti għall-ilma, mis-sit tal-Bajja Hotel, li taqsam is-sit tax-xogħol,
- Il-mogħdija mill-ġdid tas-servizzi ta’ l-Enemalta, Maltacom, WSC u Melita Cable,
- Provediment ta’ sistemi għall-ilma tax-xita.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li bħalissa qed isiru
- xogħlijiet ta’ bini tat-triq fl-inħawi,
- estensjoni ta’ struttura estensiva ta’ gallerija fuq il-faċilitajiet tan-Neptunes WPC,
- xogħol strutturali li jakkomoda t-twessiegħ ta’ l-iżjed parti dejqa tat-triq ħdejn in-Neptunes WPC. Din il-parti tal-proġett involva it-tqegħid ta’ pilastri rinfurzati tal-konkos fil-blat li se jappoġġjaw l-arkati tal-konkos li ’l quddiem jridu jerfgħu l-parti ġdida tat-triq u l-parti ta’ minn fejn jgħaddu n-nies.
Francis Zammit Dimech qal li din il-ġimgħa bdiet titqaxxar it-triq ħdejn is-City of London Bar sa ħdejn d-daħla tal-Bajja Hotel biex titqiegħed sodda ta’ hot asphalt f’nofs Diċembru. Hu qal li se jsir kull sforz biex titlesta l-bqija tat-triq sal-Barracuda Restaurant sa qabel is-sajf.
Il-Ministeru Francis Zammit Dimech qal li biex ikompli jsebbaħ dawn l-inħawi l-Gvern ħaseb li għall-istaġun tal-festi jarma s-siġar tul iż-żewġ kilometri u nofs ta’ promenade u l-partijiet li għadhom mhux lesti b’16,000 bozza. Dawn joffru dehra mill-isbaħ għal dan il-promenade li bl-iżvilupp li sar fih sar aktar frekwentat mill-Maltin u mill-barranin.
Francis Zammit Dimech appella lil kulħadd biex jindokra dak kollu li qed isir biex mhux biss jitgawda llum iżda jitħalla aħjar għal kulmin jiġi warajna.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en