PROĠETTI LI JSEBBĦU U JIMMODERNIZZAW PAJJIŻNA
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern preżenti qed jinvesti miljuni ta’ liri fis-sena biex il-poplu jgħix aħjar f’pajjiż aktar modern. Dan qalu waqt diskors li ghamel meta nieda kalendarju dwar proġetti mwettqa mill-Ministeru tiegħu fl-aħħar erba’ snin.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Gvern qed jinvesti biex il-poplu japprezza dejjem aktar il-wirt storiku ta’ pajjiżna. Francis Zammit Dimech qal li sa l-aħħar ta’ din il-leġislatura dan il-Gvern se jkun investa Lm17-il miljun, f’titjib u tisbiħ ta’ bini u postijiet pubbliċi, f’titjib ta’ parks nazzjonali, f’tisbiħ ta’ promenades u f’restawr u riabilitazzjoni ta’ bini storiku.
Francis Zammit Dimech qal li f’dawn l-aħħar erba’ snin il-Gvern wasal biex laħaq ftehim ma’ erba’ konsorzji bl-iskop li jitwettqu tliet proġetti kapitali ewlenin b’investiment privat. Fil-proġetti tal-Kottonera, ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne u tal-Cruise Liner Passenger Terminal qed isir investiment privat ta’ Lm170 miljun minbarra investiment qawwi mill-Gvern biex jitwasslu servizzi għal dawn il-proġetti u biex tissaħħaħ l-infrastruttura għar-residenti ta’ l-inħawi.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li tul din il-leġislatura se jkunu ntefqu
- Lm 430,000 għal titjib f’postijiet pubbliċi;
- Lm1,420,000 f’titjib f’bini;
- Lm4,030,000 għar-riabilitazzjoni tal-Kavallier ta’ San Ġakbu;
- Lm2,658,000 f’restawr;
- Lm 704,000 għal bini u titjib ta’ parks;
- Lm4,873,000 għal proġetti ta’ tisbiħ f’inħawi turistiċi; u
- Lm2,682,000 għal proġetti ta’ riabilitazzjoni.
Francis Zammit Dimech qal li t-twettiq ta’ proġetti ġodda ġab miegħu titjib fl-industrja tal-bini. Hu qal li jekk nieħdu l-perijodu ta’ Jannar/Settembru ta’ l-aħħar erba’ snin insibu
- Sehem l-industrja tal-bini lejn il-Prodott Gross Domestiku kiber minn Lm24.9 miljun fl-1999 għal Lm35.2 miljun fl-2002 – żieda ta’ Lm10.3 miljun, jew 41.4 fil-mija;
- Il-perċentwali li s-settur tal-bini kkontribwixxa għall-Prodott Gross Domestiku tela’ minn 2.66 fil-mija għal 3.28 fil-mija – żieda ta’ 0.62 fil-mija, jew 23.3 fil-mija;
- Id-dħul mix-xogħol żdied minn Lm16.78 miljun fl-1999 għal Lm23.38 miljun fl-2002, żieda ta’ Lm6.6 miljun jew 39.3 fil-mija;
- Il-profitti żdiedu minn Lm8.1 miljun għal Lm11.8 miljun, żieda ta’ Lm3.7 miljun jew 45.7 fil-mija;
- L-impjiegi żdiedu minn 5,888 għal 6,692, żieda ta’ 804 impjieg, jew 13.7 fil-mija. Dan b’kuntrast ma’ dak li seħħ bejn l-1997 u l-1998 meta l-impjiegi f’dan is-settur naqsu b’510, jew bi tmienja fil-mija.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-Gvern preżenti hu konxju li l-poplu llum jinteressaħ li jgħix f’ambjent aħjar fejn mhux biss isir xogħol ta’ titjib u ta’ tisbiħ iżda li dan ix-xogħol ikun ta’ l-ogħla livell. Hu qal li dan il-mod ġdid ta’ kif inħarsu u nwettqu proġetti li jsebbħu pajjiżna jidher fil-mod kif qed jinbnew mill-ġdid il-promenades ta’ pajjiżna u fil-mod ta’ kif qed isir xogħol ta’ restawr u riabilitazzjoni tal-ġojjelli storiċi ta’ pajjiżna.
Francis Zammit Dimech qal li biex ifakkar il-ħidma li qed issir minn tant ħaddiema dedikati fit-twettiq ta’ dawn il-proġetti l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ħass li kellu jippubblika kalendarju dedikat għall-proġetti. Kalendarju mirqum f’fotografija mill-isbaħ u b’xogħol ta’ stampa li jagħmilna kburin minn dak li wettaqna b’riżq il-poplu Malti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en