JUM IR-REPUBBLIKA 1974 IMFAKKAR FUQ L-INTERNET
Illum ġiet inawgurata preżentazzjoni kommemorattiva dwar Jum ir-Repubblika 1974, fuq il-website tad-DOI, www.doi.gov.mt L-inawgurazzjoni saret taħt il-patroċinju tal-President Emeritus Sir Anthony Mamo, f'Casa Arkati, il-Mosta.
Sir Anthony Mamo, li kien l-ewwel President ta' Malta, qal li għalih it-twelid tar-Repubblika kienet ċerimonja memorabbli. Kien l-entużjażmu tal-poplu li jiftakar partikolarment, li attenda bi ħġaru allavolja kienet ix-xita u l-kesħa.
Dwar ir-rwol tiegħu fit-twaqqif tar-Repubblika, Sir Anthony qal li kien ta’ sodisfazzjon kbir għalih li kien involut fil-ġrajja għall-poplu Malti. Fi kliemu stess hu ddeskriviha hekk: "Kelli biċċa xogħol u għamiltha".
Emanuel Abela, Direttur ta' l-Informazzjoni, filwaqt li faħħar lil Sir Anthony għal mod dinjituż u eżemplari li bih huwa okkupa din l-ogħla kariga fil-pajjiż, sellem lil Presidenti kollha li ġew warajh. Hu żied jgħid li 28 sena wara li Malta saret Repubblika, parti sostanzjali tal-ġenerazzjoni ta' pajjiżna, partikolarment dik żagħżugħa, mhux talli ma għexux dik il-ġurnata, imma ma setgħux ikunu jafu mill-qrib il-protagonisti tal-ġrajjiet li seħħew.
Kien b'dan il-ħsieb li d-Dipartiment ta' l-Informazzjoni, fis-sensiela ta' produzzjonijiet ta' "Tifkiriet mill-Passat", ħejja din il-produzzjoni fuq l-internet, biex permezz ta' ritratti, recordings bl-audio u dokumenti oħra arkivjati fid-dipartiment, iressaq dawn il-memorji storiċi viċin tal-pubbliku.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en