Left arrow Mur Lura

PUBBLIKATI R-RAKKMANDAZZJONIJIET TAT-TASKFORCE DWAR IL-PROTEZZJONI TAT-TFAL MINN ABBUŻI FUQ L-INTERNET

PR1723
Date Icon 09/12/2002

It-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni llum infirxu fl-oqsma ewlenin tal-ħajja tagħna. Essenzjalment dawn is-sistemi biddlu l-mod ta` komunikazzjoni kif ukoll il-mod ta` kif ngħamlu n-negozju. Mingħajr dubju l-informatika, iffaċilitat il-ġbir u t-tixrid ta` l-informazzjoni madwar id-dinja u f’pajjiżna.

Grazzi għall-impenn u l-viżjoni tal-Gvern, kif ukoll għas-sens ta` intrapriża tas-settur privat, Malta hija wieħed mill-iktar pajjiżi fejn l-użu ta` l-informatika huwa mxerred. Illum l-informatika f’Malta hija realta` fil-ħajja ta` kuljum tal-poplu.

Il-Ministru Austin Gatt fisser li bħal kull mezz ieħor ta` informazzjoni, l-Internet jista` jkollu element ta` periklu li jekk ma jiġix indirizzat tajjeb, jista` jkollu effett negattiv, b’mod partikolari fuq persuni ta` eta` żgħira li minħabba l-innoċenza tagħhom, m’ humiex f’pożizzjoni li jidentifikaw u jgħarfu t-tajjeb mill-ħażin.

Il-Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali u l-Kummissjoni eMalta, fehmu t-theddida li dan ir-riskju jista` jġib. Fuq inizjattiva tal-Ministru Gatt, fi ħdan il-pjan strateġiku li kien mfassal mill-Kummissjoni eMalta, bdiet ħidma biex filwaqt li jitrażżan kull tip ta` abbuż, l-ambjent virtwali jkun wieħed san għal uliedna. Dr. Gatt fisser li din kienet deċiżjoni politika bbażata fuq il-prinċipji politiċi tal-gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista, li l-familja għandha tiġi l-ewwel u qabel kollox.

Kien f’dan il-kuntest, li twaqqfet task forcebiex tindirizza l-problema ta` l-abbuż tat-tfal minn fuq l-internet. Bħalma ġara f’kull inizjattiva li ħadet il-Kummissjoni eMalta, din il-kummissjoni ġabbret flimkien il-players kollha relatati ma` dan il-qasam u flimkien fasslu r-rakkmandazzjonijiet . Dawn kienu jinkludu rappreżentanti minn:

Awtorità tal-Kommunikazzjoni
Pulizija
Internet Service Provider’s Group

Aġenzija Appoġġ
Malta Press Club

Ministeru għall-Politika Soċjali
Ministeru għall-Ġustizzja u Gvern Lokali
Ministeru ta’ l-Edukazzjoni
Kummissjoni eMalta

Ir-rakkmandazzjonijiet tat-task force jiffukaw fuq tlett principji fundamentali: l-edukazjoni taċ-ċittadini Maltin fuq dan it-tip ta’ abbuż, b’enfasi speċjali fuq it-tfal, il-ġenituri u l-għalliema, it-tisħiħ tal-qafas legali kif ukoll l-estensjoni ta` strutturi li diġà jeżistu biex b’hekk ikunu jistgħu jindirizzaw dan it-tip ġdid ta` abbuż.

Il-Ministru Gatt ħabbar ukoll, li fil-Qorti saru l-arranġamenti tekniċi biex meta t-tfal jkunu ser jagħtu x-xhieda tagħhom, f’każijiet li jikkonċernawhom, u li tagħhom ikunu vittmi, ix-xhieda ssir permezz ta’ video conferencing. L-ewwel darba li ser jintużaw ser jkun f’ Jannar, fil-każ li bħalissa qed jissemma fil-ġurnali.

Fost l-inizjattivi li ttieħdu f’dan il-qasam, rrefera wkoll għall-parteċipazzjoni ta` Malta fil-programm eSafe, kif ukoll ir-ratifika tac-Cyber Crime Treaty. Dr. Gatt ħabbar li f’Jannar Malta ser tiffirma ftehim maċ-Childnet International, programm sħiħ ta’ inizjattivi f’dan is-sens.

Il-Ministru Gatt fisser li l-politika li għandu l-Gvern f’dan il-qasam hija waħda ta’ zero tolerance. Dr. Gatt kompla, li minkejja li din hija politika iebsa, "nemmnu li hija l-politika li għandna nħaddnu jekk irridu nkomplu nibnu fuq il-valuri tradizzjonali tal-familja jekk irridu futur b’saħħtu."

Sadanittant ir-rakkmandazzjonijiet jinkludu:

  • It-tnedija ta` kampanja edukattiva fuq is-suġġett.
  • Taħriġ lill-Pulizija fuq il-qafas legali u metodi investigattivi li jistgħu jintużaw waqt l-istħarriġ ta’ każijiet li jinvolvu kull tip ta’ abbuż tat-tfal relatat ma’ l-Internet
  • L-implimentazzjoni ta` miżuri speċjali mill-istituzjonijiet edukattivi biex waqt li jużaw it-teknoloġija ta’ l-email it-tfal ikunu protetti minn kull forma ta` abbuż
  • Il-possibiltà li jiġu offruti Internet packages speċjali għall-familja bit-tfal. Dan it-tip ta` servizz ikun jinkludi servizz ta` filtering li jkun ikkontrollat mill-Internet Service Provider stess
  • L-estensjoni tas-Supportline 179, biex ikun jista’ jirċievi rapporti bit-telefon, relatati ma’ l-abbuż tat-tfal fuq l-Internet
  • L-iżvilupp ta` online reporting fejn wieħed ikun jista’ jagħmel ir-rapport tiegħu minn fuq l-Internet
  • Parteċipazzjoni attiva fil-programm ta` l-Unjoni Ewropea ‘eSafe’. Dan il-programm jippermetti li entitajiet lokali, kemm dawk governattivi kif ukoll dawk privati, jieħdu vantaġġ minn għajnuna finanzjarja kif ukoll teknika. Il-Programm jiffinanzja miżuri nazzjonali mmirati biex jedukaw liċ-ċittadini fuq dan it-tip ta` abbuż, u biex jitwaqqfu strutturi li jkunu jistgħu jieħdu passi kontra dawk li jagħmlu dan it-tip ta` abbuż.
  • Biex formalment tiġi mwaqqfa il ‘Computer Crime Unit’ fi ħdan il-Pulizija ta’ Malta.
  • L-emendi l-Att Kriminali skond il-proviżjonijiet tal-Konvenzjoni fuq is- ‘Cyber Crime’ maħruġa mill-Kunsill ta’ l-Ewropa u biex jiġi inkluż l-‘Internet Grooming’ bhala att kriminali
  • Biex isiru amendi lil-Kodici ta’ Pratika ta` l-Internet Service Providers biex jieħdu inkonsiderazzjoni t-twaqqif ta’ strutturi ġodda bħal ‘Computer Crime Unit’ u l-estensjoni tal-179

Ir-rapport ser jkun għad-dispożizzjoni ta’ dawk li jridu jiddiskutu u jagħtu l-kummenti tagħhom. Dawk interessati għandhom jitolbu r-rapport permezz ta’ e-mail fuq info.justice@gov.mt. Il-kummenti għandhom jaslu sa l-aħħar ta` Jannar 2003. 

Id-dokument konusltattiv dwar ir-rakkmandazzjonijiet jsegwi (pdf format)

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

Aktar Stqarrijiet Right arrow