IL-MINISTRU JOSEF BONNICI JZUR XOGHLIJIET FL-IKLIN
Fix-xhur li għaddew, fuq inizjattiva tal-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi, il-Korporazzjoni Enemalta wettqet xogħol estensiv sabiex sa fl-aħħar tinxtgħel Triq Ġeronimo Abos, fl-Iklin. B'kollox f'dan il-proġett twaħħlu 26 lampa u l-proġett globali sewa' madwar LM10,000. Il-Proġett Ġeronimo Abos kien imqassam f'erba' fażijiet wara ftehim bejn l-Enemalta u l-Kunsill Lokali Iklin.
Il-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi Josef Bonnici llum zar il-post u flimkien mas-Sindku tal-lokalità Tony Dalli, u ma' l-inginiera ta' l-Enemalta raw il-konklużjoni ta' dan il-proġett, fejn ukoll irringrazzjaw lil dawk kollha li ħadmu fuqu.
Il-Ministru Bonnici ta diversi dettalji dwar il-proġett Ġeronimo Abos, fejn qal li s-sistema ta' l-elettriku bejn arblu u ieħor għaddiet minn taħt l-art, kif sar ukoll fid-diversi proġetti oħra ta' Street lighting, li ġew konklużi fl-Iklin u f'lokalitajiet oħra. Triq Ġeronimo Abos, qal il-Ministru Bonnici, hija triq residenzjali li, iżda hija traffikuża ħafna u għalhekk kienet prijorità li din it-triq tinxtgħel b'dawl adekwat u b'sistema effiċjenti. Il-Ministru għas-Servizzi ekonomiċi, Josef Bonnici rrimarka li tul dawn l-aħħar tlett snin fil-lokalità ta' l-Iklin, twaħħlu minn ta' l-anqas 120 lampa, u dan jikkonferma x-xogħol siewi li jwettaq il-Kunsill lokali li b'konsultazzjoni mal-Korporazzjoni Enemalta stabilixxa t-toroq li fihom l-aktar hemm bżonn installazzjoni ta' dawl.
Il-Ministru Bonnici fakkar li hekk kif il-Gvern preżenti rega' inghata l-mandat biex imexxi l-pajjiz tlett snin ilu, kien iffaċjat b'talba enormi ta' xogħlijiet għal bozoz ġodda fit-toroq Maltin. Hu saħaq li l-Gvern preżenti fi tlett snin waħħal aktar minn 4,500 bozza bi spiża ta' 'l fuq minn Lm1 miljun. Dawn huma ċifri sinifikanti meta wieħed jikkomparahom mas-sentejn ta' Gvern preċedenti, fejn kienu ntefqu biss LM 431,000.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN