L-GĦELUQ TAN-NEGOZJATI DWAR IL-KAPITLU DWAR L-AGRIKULTURA
Il-Ministeru ta’ l-Agrikultura u s-Sajd jilqa’ b’sodisfazzjon l-għeluq tan-negozjati dwar il-Kapitlu dwar l-Agrikultura bejn Malta u l-Unjoni Ewropea. Ir-riżultati li rnexxielu jikseb pajjiżna minn dawn in-negozjati żgur li se jwasslu għas-sostenibbiltà tas-settur b’mod li pajjiżna jkollu provista varjata u bnina ta’ prodotti bi prezzijiet kompetittivi f’bilanċ ma’ dħul xieraq u ġust għall-bdiewa u r-raħħala kif ukoll f’operat li ma jkollux impatt negattiv fuq l-ambjent.
Permezz ta’ dawn in-negozjati sar qbil li l-Gvern jista’ jgħin lis-settur tal-biedja b’pakkett ta’ għajnuna li jammonta għal €181 miljun mifruxa fuq numru ta’ snin.
Din l-għajnuna se tkun maqsuma f’€65 miljun mifruxa fuq perjodu bejn l-2004 u l-2010 għas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib, tal-majjal, tat-tjur u tal-bajd, u għajnuna oħra ta’ €116 miljun mifruxa fuq il-perjodu bejn l-2004 u l-2014 għal dawk li jkabbru l-ħxejjex u l-frott, inkluż it-tkabbir tad-dwieli. Dawn il-perjodi se jservu ta’ transazzjoni biex ikun jista’ jsir ir-ristrutturar meħtieġ.
Din l-għajnuna għandha twassal biex mhux biss il-produtturi jibqgħu jkollhom dħul ġust u xieraq iżda wkoll għajnuna suffiċjenti biex jirristrutturaw l-operat tagħhom. Bis-saħħa ta’ dan l-operat, il-konsumatur jibbenefika minn roħs fil-prezzijiet.
Riżultat pożittiv ieħor minn dawn in-negozjati kien li l-Kummissjoni aċċettat it-talba ta’ Malta għal kwota annwali ta’ produzzjoni ta’ 150 tunnellata żejt taż-żebbuġ, għal kwota ta’ 27,000 tunnellata għat-tadam u għal kwota ta’ 48,698 tunnellata għall-ħalib.
Fir-rigward ta’ l-importazzjoni ta’ qmuħ, zokkor, laħam u prodotti proċessati tal-ħalib, intlaħaq ftehim dwar skema ta’ sussidju bl-iskop li jiggarantixxi li l-prezzijiet ta’ importazzjoni ta’ dawn il-prodotti jibqgħu fil-livelli kif nafuhom illum.
Barra minn hekk, il-Gvern Malti nnegozja biex għall-ewwel ħames snin ta’ sħubija, ikun hemm safeguard li permezz tagħha l-produzzjoni agrikola lokali tkun imħarsa minn diffikultajiet li jistgħu jinħolqu fis-suq lokali minħabba importazzjoni ta’ prodotti agrikoli. Permezz ta’ dan l-arranġament, Malta se tkun tista’ tieħu l-miżuri ta’ protezzjoni għal dawk il-prodotti msemmija fil-programm ta’ għajnuna, imsejjaħ Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture (SMPPMA). B’hekk f’każ ta’ diffikultajiet għal xi settur partikolari, il-Gvern ikun jista’ jieħu miżuri li permezz tagħhom dawn id-diffikultajiet ikunu jistgħu jiġu rimedjati.
B’dan il-ftehim, il-bdiewa u r-raħħala u dawk kollha involuti fis-settur agrikolu jistgħu jserrħu rashom li l-għejxien tagħhom qed ikun imħares.
Stqarrijiet Oħra:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en