Restawrata n-niċċa ta’ San Pawl fis-Saqqajja, Rabat
Meta kien qed iżur xoghol ta’ restawr fuq in-Niċċa ta’ San Pawl fis-Saqqajja r-Rabat, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Francis Zammit Dimech qal li fl-estimi għal din is-sena jidhru Lm1.1 miljun għal proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni. Hu qal li matul din is-sena twettqu 28 proġett ta’ restawr filwaqt li s-sena d-dieħla se jitwettqu 24 proġett ieħor. Min-naħa tagħhom, il-Proġetti għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta, il-Kottonera u l-Imdina din is-sena qed iwettqu 36 proġett ieħor ta’ restawr u riabilitazzjoni filwaqt li s-sena d-dieħla se jitkomplew ix-xogħlijiet kollha li hemm għaddejjin u se jitwettqu disa’ proġetti oħra.
Francis Zammit Dimech qal li l-ħidma li qed issir biex ikunu konservati monumenti storiċi f’pajjiżna qed tkompli tagħmel lill-poplu aktar konxju mill-wirt storiku millenarju ta’ dawn il-gżejjer, li tħalla għal bosta snin mitluq u abbandunat.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura fakkar li permezz tal-Unit għar-Restawr fi ħdan id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni, l-Gvern illum għandu periti u ħaddiema speċjalizzati fil-qasam tar-restawr li qed iwettqu x-xogħol tagħhom mhux biss b’reqqa u b’sengħa kbira, iżda wkoll fuq prinċipji internazzjonali ta’ konservazzjoni. Hu qal li f’din il-ħidma l-Gvern sab appoġġ minn restawraturi Taljani li wettqu diversi proġetti ta’ restawr flimkien ma’ restawraturi Maltin fi ħdan il-Unit għar-Restawr.
Francis Zammit Dimech qal li x-xogħol ta’ restawr tan-niċċa ta’ San Pawl fis-Saqqajja, ir-Rabat beda f’Ġunju wara talba mill-Kunsill Lokali tar-Rabat, u wara li nġiebu l-permessi kollha meħtieġa. Hu qal li dan ix-xogħol illum ġie konkluż għajr għal xi xogħol żgħir ta’ l-injam.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li din in-niċċa kellha ħsarat konsiderevoli l-aktar minħabba l-fatt li fil-passat ingħatat diversi kisjiet ta’ siment . Issa dan is-siment tneħħa kollu u wara ntuża materjal li hu aktar kompatibbli mal-ġebla Maltija. Francis Zammit Dimech qal li fil-proċess tar-restawr inkixef id-dettall arkitettoniku tal-lavur li kien intilef kompletament minħabba l-ħafna passati ta’ tibjid li kienu ngħataw.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-iktar deċiżjoni iebsa li kellha tittieħed kienet dwar l-għażla tal-kulur billi din in-niċċa għall-aħħar snin kienet miżbugħa aħmar skur, kulur li ma kienx addattat għaliha. Hu qal li wara studju xjentifiku, li sar fil-laboratorju taċ-Ċentru tar-Restawr, kif ukoll analiżi dettaljat fuq is-sit, ġie stabbilit il-kulur oriġinali tan-niċċa li qed jerġa’ jingħata llum. Il-Ministru Zammit Dimech qal li sadanittant, kienu qed isiru preparazzjonijiet biex tkun restawrata l-istess niċċa minn naħa ta’ wara, wara talba li saret mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni ta’ l-Imdina.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li dan kien proġett ieħor li sar b’kollaborazzjoni sħiħa bejn diversi entitajiet. Hu qal li filwaqt li l-proġett hu responsabilta’ tat-Taqsima tar-Restawr, ix-xogħol twettaq minn restawraturi Taljani mid-ditta Sider-Iteras li preżentament qed jgħinu lill-Ministeru fuq għadd ta’ proġetti. Fil-proġett ikkollaboraw ukoll ħaddiema li qed jassistu għal kors vokazzjonali ta’ l-MCAST. Il-kors qed isir fiċ-Ċentru tar-Restawr. Ħaddiema oħrajn li qed jagħmlu kors ta’ skultura.
Noti dwar l-istorja tan-niċċa
Għalkemm m’hemmx dokumentat bl-eżatt id-data tal-kostruzzjoni ta’ din in-niċċa, hu probabbli li din inbniet fil-bidu tas-Seklu Tmintax. Fl-arkivji tan-Nutar Vincenzo Caruana nstab Att Notarili bid-data tad-9 ta’ Awissu 1866 li jixhed li nies raw dmugħ ħiereġ minn għajnejn l-istatwa ta’ San Pawl waqt is-sentejn ta’ l-okkupazzjoni Franċiża.
In-niċċa kienet tappartjeni lil Mons De Piro u wara għall-familja Apap Bologna li fl-1974 għaddewha b’donazzjoni lill-Konfraternita’ ta’ San Ġużepp, li sal-lum għadhom responsabbli mill-manutenzjoni tagħha.
Stqarrijiet Oħra:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en