CRIMSON WING: STORJA TA’ SUĊĊESS - IL-MALTIN B’SEHEM IMPORTANTI F’DAN IS-SUĊĊESS.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u Gvern Lokali Austin Gatt, fisser l-esperjenza tal-kumpanija internazzjonali Crimson Wing, bħala esperjenza li tixhed il-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-Maltin.
Il-Ministru Gatt qal li l-kumpanija Crimson Wing, kellha l-kuraġġ li tinvesti f’pajjiżna, u llum qed taħsad il-frott tad-deċiżjoni li ħadet, għax kif saħaq Dave Walsh, ic-CEO tal-Crimson Wing, din il-kumpanija kibret bis-saħħa tal-kapaċitajiet tal-ħaddiema Maltin.
Dr. Austin Gatt spjega li Malta tipproduċi nies kapaċi, u li jħabtuha tajjeb ma’ l-aħjar nies madwar id-dinja fil-qasam tal-ICT.
Huwa kompla li l-priorita’ tal-Gvern Malti, hija li dan ikompli jespandi lokalment, biex Malta tkun iċ-Ċentru ta’ eċċellenza fir-reġjun. Dr. Gatt sostna li dan l-argument jkompli jiġi msaħħaħ ukoll, mill-fatt li m’hawnx pajjiż ieħor fir-reġjun li għandu l-ingredjenti kollha biex jkun ċentru ta’ eċċellenza. Dawn jinkludu, l-kapaċita tal-lingwa Ingliża, l-ħila u d-dedikazzjoni tal-Maltin kif ukoll l-impenn tal-Gvern li qed jimxi bi pjan ċar u strateġiku.
Il-Ministru Gatt, spjega li llum huma dawk il-kumpaniji li huma knowledge based li qed ikollhom suċċess. Crimson Wing hija waħda mill-kumpaniji li għarrfet dan u llum tista’ titqies bħala waħda mill-kumpaniji ewlenin madwar id-dinja fl-iżvillupp ta’ soluzzjonijiet ta` l-informatika. F’dan il-kuntest, kompla Dr. Gatt, huwa importanti, li nkomplu bil-ħidma tagħna biex inkomplu ninvestu fir-riżorsi tagħna jekk tassew irridu nkomplu nsaħħu pajjiżna. Huwa spjega li s-suċċess ta’ Crimson Wing tikkonferma li l-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-Maltin huma eżistenti.
Dr. Gatt, kompla li biex nilħqu l-miri tagħna, li pajjiżna jkun tassew ċentru reġjonali ta’ eċċellenza, jrid jkollna l-kuraġġ li nieħdu deċiżjonijiet u nissieħbu ma’ kumpaniji multinazzjonali bħal ma għamilna ma’ Microsoft u Cisco.
Il-Ministru Gatt tkellem ukoll dwar il-fiduċja tal-Gvern fis-settur privat. Konformi mal-politika ta’ outsourcing li qed iħaddan, il-maġġoranza ta` l-applikazzjonijiet ta` l-e-Government qed jiġu żviluppati mis-settur privat lokali.
Dr. Austin Gatt għamel ukoll referenza dwar l-importanza li pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Huwa kompla li l-fondi li jeżistu fl-Unjoni Ewropeja għall-iżvilupp ta’ proġetti f’dan il-qasam, għall-pajjiżi li huma membri, huma kbar. Bi sħubija fl-Unjoni Ewropea, is-settur privat lokali jkun jista` jibbenefika minn dawn il-fondi, u jkun jista` jiżviluppa iktar.
Dr. Austin Gatt temm jgħid li l-futur huwa sabiħ kemm għax il-Maltin huma kapaċi kif ukoll għax il-Gvern preżenti jaf fejn irid imur. Qed jimxi bi pjan ċar, u qed jiżviluppa lil Malta bħala Ċentru ta’ eċċellenza, u qed jattira lejn pajjiżna l-aħjar kumpaniji.
Tkellem ukoll Dave Walsh, ic-CEO tal-kumpanija, li filwaqt li faħħar il-ħiliet tal-Maltin, ħabbar, li l-kumpanija qed toffri l-ishma tagħħa għall-ħaddiema tagħha Maltin. Dan jixhed, kompla Walsh, il-fiduċja li Crimson Wing għandha fil-ħaddiem Malti. Huwa fisser li Crimson Wing, tirrikonoxxi l-viżjoni tal-Gvern Malti u temmen li pajjiżna jinsab fid-direzzjoni li jsir iċ-Ċentru Reġjonali ta’ eċċellenza fil-qasam ta` l-Informatika.
Stqarrijiet Oħra:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en