Left arrow Mur Lura

Bdiet titqassam l-għajnuna lis-sajjieda

PR1698
Date Icon 04/12/2002

Numru ta’ sajjieda full-time llum bdew jibbenefikaw minn għajnuna li qed tingħatalhom mill-Gvern bħala parti minn pakkett ta’ għajnuna finanzjarja ntiż biex jgħin lis-sajjieda jtejbu l-operat tagħhom kemm fid-dawl taż-żona ta’ konservazzjoni li Malta rnexxielha tinnegozja ma’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll fid-dawl ta’ regolamenti ġodda li se jsiru dwar id-dgħajjes tas-sajd.

Il-preżentazzjoni tal-flus lis-sajjieda saret mill-Ministru għall-Agrikultura u s-Sajd, l-Onor. Ninu Zammit li fakkar li dan il-pakkett jammonta għal Lm2.5 miljun li se jingħataw lis-sajjieda full-time u part-time u dawk magħrufa bħala market fishermen, bl-iskop li jimmodernizzaw u jżidu s-sigurtà fuq il-bastimenti tagħhom.

Il-Ministru Zammit qal ukoll li Lm2 miljun minn dawn iż-Lm2.5 miljun f’għajnuna se jmorru għas-sajjieda full-time u se jinqasmu fuq 242 bastiment. Is-sidien ta’ ħames bastimenti li huma akbar minn 24 metru se jirċievu Lm150,000 bejniethom. Tmienja oħra, li għandhom bastiment iżgħar minn 24 metru iżda b’makna aktar minn 250hp, se jieħdu bejniethom Lm185,000. Tlieta oħra, li għandhom bastiment iżgħar minn 24 metru b’makna anqas minn 250hp, se jirċievu Lm12,500.

48 sid ta’ dgħajjes ta’ aktar minn 12-il metru u li jintużaw għas-sajd tat-tonn se jirċievu bejniethom Lm960,000, filwaqt li 44 sid ta’ dgħajjes li minbarra għas-sajd tat-tonn jintużaw ukoll għas-sajd tal-lampuki se jirċievu Lm660,000. Somma oħra ta’ Lm90,000 se tinqasam fost is-sidien ta’ 90 dgħajsa b’tul bejn 6 u 7.99 metri filwaqt li Lm110,000 oħra se jingħataw lil 44 sid ta’ dgħajjes ta’ bejn 8 u 11.99-il metru.

Madwar nofs miljun lira (Lm500,000) se jingħataw lil madwar 475 part-time u market fishermen biex isaħħu s-sigurtà tal-bastimenti tagħhom. Il-maġġoranza ta’ dawn il-bastimenti tal-part-time u market fishermen ivarjaw fit-tul minn 6 metri għal 12-il metru.

Hu semma li permezz tal-għajnuna li qed tingħata, bastimenti ta’ aktar minn 12-il metru jkunu jistgħu jiġu mgħammra b’sistema ta’ VMS li biha s-sajjieda jkunu jistgħu jikkomunikaw mill-bastiment tagħhom permezz tas-satellita u għaldaqstant, minbarra li b’din is-sistema jkunu jafu l-pożizzjoni eżatta tagħhom, din se sservi ta’ utilità kbira għas-sigurtà tagħhom waqt li jkunu fuq il-baħar.

Il-Ministru Zammit irrifera wkoll għal skemi ta’ modernizzar li s-sajjieda Maltin ikunu jistgħu jibbenefikaw minnhom meta Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Hu żied li l-immodernizzar jibqa’ dejjem meħtieġ minħabba tibdil li jista’ jkun meħtieġ li jsir fl-irkapti ħalli l-qbid ikun aktar selettiv kif ukoll biex ix-xogħol isir aktar safe.

Għaldaqstant, kompla l-Ministru Zammit, is-sħubija fl-Unjoni Ewropea għandha tgħin lis-settur biex jissaħħaħ u jsir aktar sostenibbli mhux biss għaliex ir-reġistru eżistenti tas-sajd mhux se jiżdied, iżda ukoll għaliex is-sajjieda Maltin se jkollhom l-opportunità li jsiru aktar kompetittivi billi jtejbu t-tagħmir u jkabbru l-effiċjenza.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

Aktar Stqarrijiet Right arrow