TNEĦĦEW AKTAR MINN 10,000 TANK MILL-KAMPANJA
Minn mindu fl-1 ta’ Lulju ta’ din is-sena ħaddiema mis-Sezzjoni għall-Parks u Konservazzjoni tal-Pajsaġġ u ħaddiema mid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi bdew ineħħu tankijiet u white goods mill-għelieqi u mill-kampanja, nġabru u tgħaffġu 10,000 tank.
Dan qalul-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech meta fl-Imġarr segwa ħidma li qed titwettaq biex jitnehhew oggetti u tankijiet li qeghdin ihammgu l-kampanja u l-ambjent Malti.
Francis Zammit Dimech qal li qabel bdew jinġabru u jitgħaffġu t-tankijiet, il-Gvern beda jwaħħal avviżi lil sidien jew okkupanti ta’ għelieqi fejn qed jintużaw tankijiet u oġġetti oħra fil-kampanja minflok ħitan tas-sejjieħ jew għal finijiet oħra. Hu qal li l-Gvern seta’ qabad u mexa fuq Avviż Legali 160/1997, li jagħtih poter li jneħħi dawn it-tankijiet u oġġetti oħra, a spejjeż tas-sidien jew okkupanti li huma fid-dmir iżommu l-ħitan ta’ l-għelieqi tagħhom fi stat tajjeb. Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Gvern għażel li jgħin lill-bdiewa jikkonformaw ma` dan l-Avviż Legali billi qed ineħħi hu dawn it-tankijiet u jgħaffiġhom fuq il-post.
Qabel ma bdew jitneħħew it-tankijiet sar survey dettaljat tal-kwantitajiet u l-lokalita` eżatta ta` fejn jinsabu biex setgħet inbdiet inizjattiva ta’ ġbir b’xejn wara avviżi fil-gazzetti u helpline apposta. Il-Ministru faħħar il-kooperazzjoni tal-pubbliku f’din l-inizjattiva li marret anke ’il bogħod minn dawk il-lokalitajiet li għadhom ma dehrux fil-gazzetti għal skop ta’ ġbir.
Francis Zammit Dimech qal li permezz tal-helpline, s’issa waslu aktar minn 150 talba lis-Sezzjoni ghall-Parks u Konservazzjoni tal-Pajsagg u minn dawn intlaqghu madwar mitt talba.Żied jgħid li mill-istudju u s-surveys li nbdew qed niskopru kemm hi kbira din il-problema. Hu qal li minn ċensiment li sar s’issa hu magħruf li hemm aktar minn 20,000 tank u 500 white goods x’jinġabru.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li jirriżulta li l-akbar numru ta’ tankijiet huma fl-Imġarr u fl-inħawi tiegħu fejn ingħaddu aktar minn 11,000 tank li jridu jinġabru u jitgħaffġu. Qal wara l-Imġarr jiġi s-Siġġiewi b’madwar 3,000 tank, Hal-Għaxaq b’1,700 tank u Ħad-Dingli b’1,400 tank.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li f’din il-ħidma qed jagħti sehem importanti d-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi f’Kordin li ddisinja u bena makna tal-pressa. Hu qal li anke jekk it-tankijiet ma jistgħux jerġgħu jiġu wżati għaliex bil-pressa qed jitgħaffġu u jinqerdu, il-materjal tagħhom xorta qed jinbiegħ għar-riċiklaġġ.
Francis Zammit Dimech qal li t-tneħħija u d-disponiment ta’ dawn it-tankijiet qed tgħin biex ikollna ambjent aħjar u hi parti mill-istrateġija tal-Gvern li jimaniġġja kull tip ta’ skart, mhux biss dak li qed niġġeneraw kuljum iżda anke skart li ilu jinġema` għal bosta snin.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en