Il-Ministru Austin Gatt jiltaqa’ ma’ Delegazzjoni mill-GWU dwar il-Gwardjani Lokali
Il-Ministeru għall-Ġustizzja u Gvern Lokali, l-Onor. Dr. Austin Gatt, illum laqa’ delegazzjoni mill-General Workers’ Union li ressqitlu ilmenti magħmula minn Gwardjani Lokali membri tagħha.
Id-delegazzjoni tal-General Workers’ Union infurmat lill-Gvern li hi nfurmata li dawn li ġejjin taw ordinijiet lill-Gwardjani Lokali fis-sens, li kellhom ilaħħqu kwota ta’ ċitazzjonijiet jew inkella ma jitħallewx jaħdmu aktar fil-lokalitajiet responsabbli għalihom:
- Uffiċjal li kien qed jaġixxi f’isem il-Kunsilli Lokali tal-Fgura, Bormla, l-Isla, il-Birgu, il-Kalkara u Ħaż-Żabbar, u
Uffiċjal li kien qed jaġixxi f’isem il-Kunsilli Lokali tal-Ħamrun, Pietà u Msida.
Id-delegazzjoni tal-GWU infurmat lill-Gvern ukoll li hija nfurmata b’ordnijiet lill-Gwardjani Lokali magħmula minn uffiċjal li kien qed jaġixxi fl-interess tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun, biex dawn jagħtu ċitazzjonijiet lil min ikollu permess temporanju maħruġ mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq biex juża’ art pubblika f’Bir id-Deheb.
Skond l-informazzjoni li tat il-General Workers’ Union, dan sar minħabba nuqqas ta’ qbil bejn il-lokalitajiet taż-Żejtun u ta’ Ħal Għaxaq dwar fejn jibdew u jispiċċaw il-konfini ta’ bejniethom.
Il-General Workers’ Union għaddiet ukoll lill-Gvern informazzjoni dwar ordnijiet maħruġa mis-Sindku ta’ Marsaxlokk lill-Gwardjani Lokali biex jeżentaw lir-residenti ta’ Marsaxlokk mill-infurzar tal-liġi.
L-informazzjoni kienet tinkludi wkoll rapporti ta’ tbagħbis tal-provi biex residenti Xlukkajri mħarrka mill-Gwardjani Lokali jkunu liberati mit-Tribunali Lokali minkejja li jkunu fil-fatt kisru l-liġi.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja u Gvern Lokali nforma lill-General Workers’ Union li ser iqabbad lid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali jistħarreġ dawn ir-rapporti u ser jirreferi r-rapport dwar l-allegat aġir tas-Sindku ta’ Marsaxlokk lill-Pulizija għall-istħarriġ tagħhom.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja u Gvern Lokali jtenni mill-ġdid li hi l-politika ċara tal-Gvern li l-liġi trid tkun infurzata b’fermezza, iżda li m’għandhom ikunu applikati ebda kwoti ta’ ċitazzjonijiet li jassumu minn qabel li l-liġi ser tinkiser.
Iż-żewġ naħat qablu li dawn kienu okkażjonijiet eċċezzjonali li jeħtieġu stħarriġ biex il-Gwardjani Lokali joffru lill-pubbliku servizz tajjeb u jibqgħu jipproteġu lil dawk li jobdu l-liġi minn dawk li jiksruha.
Stqarrijiet Oħra:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en