Left arrow Mur Lura

L-aħħar stadju ta’ restawr tal-Bieb tal-Bombi

PR1685
Date Icon 02/12/2002

Meta kien qed izur ix-xoghol ta’ restawr li qed isir fuq il-Bieb tal-Bombi, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li fil-budget li għadu kif kien ippreżentat fil-Parlament, ġew ivvutati Lm1.1 miljun għal proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni. Hu qal li dan l-ammont kien itella’ l-investiment li sar fi proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni fl-aħħar ħames snin għal Lm9.4 miljuni li juri li l-interess tal-Gvern fil-wirt storiku ta’ pajjiżna hu wieħed kbir u kostanti.

Francis Zammit Dimech fakkar li fl-aħħar erba’ snin it-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura wettqet aktar minn 70 proġett ta’ restawr ma’ Malta kollha, u li bħalissa qed taħdem fuq 50 proġett ieħor. Hu qal li fost dawn il-proġetti kien hemm dak tar-restawr tal-Bieb tal-Bombi, li huwa monument nazzjonali, li bla dubbju ta’ xejn kulħadd xi darba jew oħra rah meta kien fi triqtu lejn il-Belt Valletta.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li Bieb il-Bombi kien qed jiġi restrawrat minn Agius Stoneworks Ltd li, b’kollaborazzjoni sħiħa mat-Taqsima tar-Restawr u taħt is-superviżjoni tal-Perit Mirielle Fsadni, kien ħa l-passi kollha meħtieġa biex ikun hemm l-inqas inkonvenjenza għat-traffiku. Hu qal li kien għalhekk li kien deċiż li bejn it-13 ta’ Diċembru u l-5 ta’ Jannar ix-xogħol jitwaqqaf biex b’hekk din it-triq arterjali li twassal għall-belt Valletta tkun miftuħa biex ma jkunx ostakolat it-traffiku fi żmien il-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech fakkar li x-xogħol ta’ restawr beda f’Settembru wara li saret sejħa għall-offerti. Hu qal li dan il-proġett ta’ restawr, maqsum f’erba’ fażijiet, mistenni jieħu sitt xhur biex jitlesta.

Francis Zammit Dimech qal li x-xogħol ta’ restawr qed jitwettaq fuq prinċipji internazzjonali ta’ konservazzjoni. Il-progett inqasam f’erba’ fażijiet biex titnaqqas l-inkonvenjenza għall-pubbliku. Bħalissa qed isir xogħol fuq ir-raba’ u l-aħħar fażi tal-proġett, li kienet tinkludi l-konservazzjoni tal-faċċata tal-monument.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li dan il-proġett ta’ restawr kien se jiswa madwar Lm55,000, li kien iqis bħala flus investiti tajjeb fil-wirt storiku ta’ pajjiżna.

Kull min ikun dieħel il-belt Valletta llum għandu quddiemu banner kbir bi stampa tal-Bieb tal-Bombi, daqs l-istess Bieb. Dan sar biex jitnaqqas l-impatt viżwali ta’ l-armar li kellu jittella’ biex isir ir-restawr ta’ dan il-monument.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern preżenti kien kburi mill-kontribut li kien qed jagħti biex jitħares il-wirt storiku ta’ pajjiżna. Hu qal li kien iżda jifhem li l-ebda investiment ma kien biżżejjed biex inħarsu l-wirt storiku ta’ pajjiżna li jmur lura 7000 sena. Il-Gvern se jibqa’ jinvesti u kien se jibqa’ jdaħħal klawsoli f’kuntratti li jagħmel mas-settur privat biex wirt storiku li jkun se jintlaqat minn proġetti kbar li jsiru, jkun imħares.

Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern huwa kuntent li l-poplu sar aktar konxju mill-wirt storiku ta’ pajjiżna. Hu qal li kien ċert li l-Gvern, is-settur privat u l-poplu flimkien kienu kapaċi jkomplu jibdlu dan il-pajjiż f’laboratorju ta’ storja li kien l-għira ta’ pajjiżi ferm akbar minnha.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

Aktar Stqarrijiet Right arrow