Left arrow Go Back

INVESTIMENT QAWWI FIS-SISTEMA TAD-DRENAĠĠ

PR1663
Date Icon 27/11/2002

“Id-drenaġġ kien jifforma aspett importanti ta’ l-infrastruttura li kien jinvolvi sew investiment kapitali qawwi kif ukoll nefqa rikorrenti sostanzjali biex is-sistema tinżamm fi stat tajjeb u kontinwu ta’ manutenzjoni."

Dan qalu il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech meta kien qed iniedi l-Quality Service Charter fi ħdan id-Dipartiment tad-Drenaġġ.

Francis Zammit Dimech qal li l-importanza li l-Gvern jagħti lis-sistema tad-drenaġġ toħroġ mill-investiment li jagħmel kull sena għat-titjib u l-iżvilupp f’dan is-settur. Hu qal li fil-budget li għadu kif ġie ppreżenat lill-Parlament hemm vot kapitali ta’ Lm4.7 miljun għas-sena 2003. Hu qal li minn dawn il-fondi Lm1.85 miljun se jmorru għal estensjonijiet u titjib fis-sistema tad-drenaġġ filwaqt li Lm2.9 miljun se jmorru għal impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ u biex tkompli tiġi implimentata l-masterplan tad-drenaġġ.

Francis Zammit Dimech qal li sistema tajba ta’ drenaġġ kienet ta’ importanza massima għas-saħħa għaliex mingħajr sistema adegwata ta’ drenaġġ kien hemm il-possibbilta’ ta’ mard serju li fl-imgħoddi kien iwassal għal epidemiji li kienu jeqirdu mijiet ta’ nies. Sistema tajba ta’ drenaġġ kienet ukoll importanti biex ikollna ibħra ndaf. Hu magħruf li meta s-sistema tad-drenaġġ f’pajjiżna ma kenitx waħda adegwata għal ħtiġiet tal-poplu, ta’ l-industrija u s-settur turistiku, id-drenaġġ kien jisbokka fil-baħar b’riperkussjonijiet mill-aktar serji fuq il-bajjiet l-aktar popolari li fihom jgħumu sew il-Maltin kif ukoll it-turisti.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura fakkar li din is-sena kienet l-aħjar sena għall-kwalita’ ta’ l-ilma baħar f’lokalitajiet fejn isir il-għawm. Hu qal li din is-sena, 98 fil-mija tal-lokalitajiet minn fejn jittieħdu l-kampjuni kienu Klassi 1, filwaqt li tnejn fil-mija kienu Klassi 2. Ebda sit ma kien Klassi 3. Fl-1996, 55 fil-mija tal-lokalitajiet fejn isir l-għawm kienu Klassi 1, 43 fil-mija kienu fi Klassi 2 u tnejn fil-mija fi Klassi 3.

Francis Zammit Dimech qal li biex setgħu nkisbu dawn ir-riżultati kellu sehem importanti d-Dipartiment tad-Drenaġġ. Hu qal li dan ħadem b’mod mill-aktar immedjat kull meta kien hemm xi ħsara fis-sistema tad-drenaġġ, bir-riżultat li d-drenaġġ ma spiċċax fil-baħar, li hekk ma ġiex imniġġes.

Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li fl-aħħar 25 sena ġew investiti fis-sistema tad-drenaġġ aktar minn Lm45 miljun u fakkar li dan l-istess ammont irid jiġi investit fil-ftit snin li ġejjin biex jinbnew tlett impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ f’Malta u Għawdex. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li bejn Settembru 1998 u Awissu 2002 tqiegħdu 216-il estensjoni tad-drenaġġ ma’ Malta u Għawdex b’tul ta’ 22 kilometru. L-istess dipartiment kompla bil-pjani tiegħu li jtejjeb u jsaħħaħ il-pumping stations mhux biss billi jipprovdi l-aktar tagħmir modern, iżda anke biex ikun hemm ġeneraturi f’każ ta’ qtugħ fis-sistema ta’ l-elettriku.

Fl-istess waqt it-Taqsima tax-Xogħlijiet permezz tas-Sewerage Masterplan Implementation Unit kompla bil-ħidma biex ikun hemm l-infrastruttura neċessarja ħalli jinbnew it-tlett impjanti meħtieġa ħalli d-drenaġġ kollu ta’ pajjiżna jissaffa qabel jintefa’ fil-baħar. Hu qal li matul is-sena d-dieħla se jinbena l-impjant f’Għawdex li parti minn nefqa għalih se tiġi minn fondi ta’ qabel is-sħubija mill-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li matul l-aħħar erba’ snin saret ħidma intensiva biex jinxtara tagħmir speċjalizzat għas-saħħa u s-sigurta’ fil-post tax-xogħol tal-ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ. Dan it-tagħmir sewa kwart ta’ miljun lira Maltija u qiegħed jintuża fuq bażi regolari mill-impjegati kollha tad-dipartiment, li ngħataw it-taħriġ meħtieġ. Hu fakkar li twaqqfet ukoll safety unit u tħarrġu numru ta’ ħaddiema fuq it-tagħmir tas-sigurta’ biex dan jinżamm fi stat tajjeb il-ħin kollu.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li t-twaqqif ta’ Quality Service Charter fi ħdan id-Dipartiment għad-Drenaġġ iqiegħed fuq dan id-dipartiment obbligi ġodda lejn il-poplu.

Hu qal li twaqqfet fid-dipartiment sistema biex ikun indukrat il-konsumatur. Ittieħdu wkoll miżuri biex jitħarrġu l-ħaddiema fil-customer care unit, ser ikun installat freephone fejn il-konsumatur ikun jista’ jagħmel l-ilmenti tiegħu u anke e-mail apposta. Kollox hu maħsub biex il-poplu jinqeda aħjar u fl-inqas żmien possibbli.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern kien jinteressah li l-poplu jinqeda aħjar u fl-iqsar żmien possibbli. Għalhekk kien qed jaħdem kontinwament biex ikun hemm servizz dejjem aħjar fejn il-konsumatur jinqeda’ bl-aktar mod immedjat. Hu qal li d-Dipartiment tad-Drenaġġ daħal għal sfida, konxju mill-fatt li kapaċi jagħti s-servizz mitlub minnu. Il-Ministru Zammit Dimech awgura lill-ħaddiema kollha fi ħdan id-Dipartiment tad-Drenaġġ ħidma sfieqa favur il-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

More Press Releases Right arrow