Left arrow Go Back

JITLESTA L-PROĠETT ALGARDI FIL-KONKATIDRAL TA’ SAN ĠWANN

PR1649
Date Icon 23/11/2002

Minkejja r-responsabbilta’ għall-Konkatidral ta’ San Ġwann għaddiet f’idejn Fondazzjoni xorta waħda il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta (VRP) baqa’ jappoġġja numru ta’ proġetti li għadhom pendenti. Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech meta żar il-proġett Algardi fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. 

Hu qal li l-VRP baqa’ jappoġġja ukoll permezz ta’ materjal u spejjeż oħra il-grupp ta’ ħaddiema li qed iwettqu xogħol ta’ manutenzjoni fil-Konkatidral. 

Francis Zammit Dimech fakkar li l-proġett Algardi issa tlesta. Hu qal li l-proġett tar-restawr tal-figura ta’ Kristu s-Salvatur ta’ Algardi hu wieħed mill-aktar proġetti importanti ta’ restawr li saru dan l-aħħar minħabba l-importanza kbira ta’ dan l-iskultur Barokk. Hu qal li l-proġett, li sewa mal-Lm10,000, kien finanzjat kollu kemm hu mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li parti mill-proġett hu d-dokumentazzjoni storika ta’ dan il-bronz importanti li sar fl-1693 għal niċċa fix-xatt tal-belt Valletta. Il-proġett ta’ riċerka sar minn Dr Keith Sciberras u Dr Jennifer Montagu.  

Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lil Keith Sciberras, lil Jennifer Montagu kif ukoll lil Ray Bondin li kkoordina dan il-proġett li sar minn Dott Sante Guido bl-għajnuna ta’ Giuseppe Mantella u t-tim tagħhom. Hu irringrazzja ukoll lill-Istituto Centrale di Restauro ta’ Ruma li għamlu parti mir-riċerka. 

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li proġett tal-leġiji, li l-VRP ħallas nofs l-ispejjeż għalih,  għadu għaddej. Hu qal li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta kien qed jippjana li jwettaq proġetti oħra ta’ konservazzjoni fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fosthom il-konservazzjoni tal-qabar ta’ La Vallette, il-konservazzjoni tal-Cappella Ardente, ir-restawr tal-Kappella ta’ Portugall  fejn għaddejjin diskussjonijiet ma’ sponsors li jistgħu jgħinu fit-twettiq ta’ dan il-proġett.                                                                                                                              

Francis Zammit Dimech qal li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta wettaq numru kbir ta’ proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni fil-kapitali ta’ pajjiżna. Fakkar li bħalissa kien qed isir xogħol fil-Knisja tal-Ġiżwiti fejn tlesta r-restawr ta’ seba’ artali u baqa’ biss tnejn x’jitlestew. Qed isir restawr ta’ tnejn mill-pitturi filwaqt li ’l quddiem se jiġi restawrat il-kampnar ta’ l-istess knisja. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li fil-Knisja tal-Vittorja qed isir xogħol ta’ restawr tal-bronz u ta’ l-irħam. Xogħol ieħor ta’ restawr u riabilitazzjoni qed isir fil-Barrakka t’Isfel u fil-Ġonna ta’ Hastings. 

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-akbar proġett li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta kien qed iwettaq fil-kapitali ta’ pajjiżna kien ir-riabilitazzjoni tal-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq. Hu qal li dan il-proġett, li kien se jiswa aktar minn Lm200,000, kien beda u se jinfirex fuq 18-il xahar.

Francis Zammit Dimech qal li l-proġett kien jinkludi l-partijiet kollha tal-ġnien inklużi l-partijiet ta’ fuq u s-saluting battery. Fil-parti ta’ fuq kien se jsir titjib ġenerali li jinkludi landscaping, pavimentar, sistema ġdida ta’ dwal u restawr. Bħalissa qed ikun restawrat il-monument ta’ Edwards. Hu qal li fil-parti ta’ isfel, fis-Saluting Battery, il-proġett hu wieħed ta’ restawr. 

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni kienu qed jikkontribwixxu bis-sħiħ biex il-kapitali ta’ pajjiżna tiġi riġenerata mhux biss biex insalvaw diversi monumenti storiċi li tul is-snin sofrew danni kbar iżda anke biex ikunu attirati lura lejn il-Belt dawk il-familji li ħarġu. Francis Zammit Dimech qal li l-belt Valletta kienet ċentru ta’ storja u kultura li tinteressa lill-popli kollha tad-dinja li jaraw fil-kapitali ta’ pajjiżna waqfa oħra fl-istorja. Din il-belt, bl-istorja tagħha  kienet  tagħmilna kburin li aħna Maltin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

More Press Releases Right arrow