Ftehim biex jiġi liberalizzat is-servizz bl-ajru bejn Malta u l-Ġermanja
Il-Gvern Malti u dak Ġermaniż laħqu ftehim li bih ser jiġi liberalizzat is-servizz ta’ l-ajru bejn Malta u l-Ġermanja.
Delegazzjoni mill-Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni ltaqgħet ma delegazzjoni mill-Ministeru ta’ l-Avjazzjoni Ċivili tal-Ġermanja nhar il-Ħamis 21 ta’ Novembru f’Berlin biex jiddiskutu dan il-ftehim.
Malta kienet ilha tipprova tagħmel dan sa mill-1992. Il-Ġermanja dejjem opponiet din il-liberalizzazzjoni fil-passat u jidher dak li żblokka s-sitwazzjoni din id-darba hu l-fatt li Malta ġiet aċċettata bħala pajjiż lest għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Dak li nkiseb hu li l-Air Malta issa għandha aċċess għal kull destinazzjoni fil-Ġermanja mingħajr limitazzjoni tan-numru ta' titjiriet li tista’ tagħmel. In-naħa Ġermaniża aċċettat il-fatt li Malta qiegħda fil-proċess li tagħmel liġijiet li jadottaw l-Acquis Communautaire fosthom dak li jirrigwarda l-liberalizzazzjoni tal-Ground Handling fl-ajruport u anke t-tneħħija tal-bżonn ta’ approvazzjoni mill-Awtoritajiet ta’ l-Avjazzjoni Ċivili għat-tariffi ta’ l-ajru (Air Fares).
It-taħditiet kienu kordjali ħafna u l-ftehim il-ġdid għandu jwassal biex jiġi żviluppat aktar is-suq Ġermaniż. Dan is-suq huwa t-tieni l-akbar wieħed għal Malta, wara dak Ingliż.
M’hemmx dubju li l-bdil fiċ-ċirkostanzi ta’ Malta li sar mill-1992 kienu dawk tal-wasla ta’ Malta għad-dħul fl-Unjoni Ewropea u mingħajr dawn iċ-ċirkostanzi li permezz tagħhom qegħdin isiru liġijiet konformi mar-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea ma kienx ikun possibbli li l-Awtoritajiet Ġermaniżi jaslu għall-ftehim li sar il-bieraħ.
Ta’ min jgħid li l-Air Malta laqgħet dan il-ftehim pożittivament għaliex issa tneħħielha x-xkiel li kellha biex tkabbar is-suq Ġermaniż. Dan jawgura wkoll għal aktar żvilupp għat-turiżmu Malti.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en