Left arrow Go Back

IT-TIENI STADJU TAL-PROFIL XJENTIFIKU TAL-MIŻBLIET TLESTA

PR1647
Date Icon 22/11/2002

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li t-tieni fażi ta’ l-istrateġiji għar-riabilitazzjoni tal-miżbliet tal-Magħtab, il-Qortin u Wied Fulija twettqet. Dan sostnieħ meta indirizza l-media dwar il-profil xjentifiku tal-miżbliet li qed isir mill-grupp ta’ konsulenti Scott Wilson.

Francis Zammit Dimech fakkar li l-miri speċifiċi tal-proġett huma:

  • Li jidentifika u jikkaratterizza l-impatti sinifikattivi eżistenti u r-riskji potenzjali għas-saħħa pubblika u l-ambjent tas-siti eżistenti tal-miżbliet fil-Magħtab, il-Qortin u tas-sit tal-miżbla li kien hemm Wied Fulija.
  • Li jipprepara strateġija ambjentalment soda għal rimedji, restawr u biex jinġiebu lura għall-użu li jibbenefika lis-soċjetà u għal kura ta’ wara ta’ kull waħda minn dawn is-siti.
  • Li jipprepara speċifikazzjonijiet tekniċi, programmi ta’ xogħol u stimi proviżorji ta’ kemm jiswew ix-xogħlijiet differenti meħtieġa biex tiġi implimentata l-istrateġija approvata għal kull sit.
  • Li jiżviluppa programmi speċifiċi ta’ monitoraġġ għal kull sit u li jkunu applikati sew waqt u wara li jitlesta x-xogħol ta’ rimedju, restawr u wara li jinġiebu lura għall-użu.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li t-tieni stadju tal-proġett tlesta. Hu qal li dan l-istadju kien jinvolvi investigazzjoni fil-fond, monitoraġġ, teħid ta’ kampjuni u ttestjar biex inkisbet data ħalli jkunu magħrufa riskji ambjentali u għas-saħħa minn kull waħda mis-siti. Uħud mill-kampjuni tal-ħamrija u l-ilma li ttieħdu tul l-investigazzjoni kienu analizzati mill-Laboratorji Nazzjonali ta’ Malta. Il-bqija ġew ittestjati f’laboratorji fir-Renju Unit.

Francis Zammit Dimech qal li l-iskop tax-xogħol li qed isir fuq il-post kien jinvolvi varjetà wiesgħa ta’ teknika speċjalizzata li tinkludi thermal imaging, monitoraġġ u teħid ta’ kampjuni tal-gass, profil tat-temperatura ta’ l-art, rotary drilling, monitoraġġ u teħid ta’ kampjuni ta’ l-arja, kampjuni ta’ ilma tal-wiċċ u ilma taħt l-art u kampjuni minn wiċċ l-art. L-ittestjar speċjalizzat tal-kampjuni miġbura qed isir b’mod regolari.

Francis Zammit Dimech innota li l-istudju tar-riżultati mill-monitoraġġ u l-analiżi kkonfermaw li qed iseħħ kombustjoni mill-iskart fil-miżbliet u dan huwa l-aktar prevalenti fil-Magħtab. Il-kombustjoni f’Wied Fulija għadha għaddejja iżda mhix fl-istess livell bħal dik tal-Magħtab. Dan jindika l-effett benefiċjali fuq is-sit li ilu magħluq għal tul ta’ żmien.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-kampjuni ta’ l-iskart li ttieħdu tul it-tħaffir u t-tagħrif dwar skart depositat fis-siti jindika li hemm materjal perikoluż f’kull miżbla. Materjal perikoluż ieħor seta’ kien ġenerat fil-proċess tal-kombustjoni. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li gassijiet assoċjati mal-kombustjoni kienu identifikati f’inħawi ta’ sħana u li l-konċentrazzjonijiet identifikati kienu ġeneralment marbuta mal-grad tas-sħana li kienet osservata. Ir-riżultati jindikaw li m’hemm ebda konċentrazzjonijiet għolja ta’ dioxini - li potenzjalment joħorġu minn ħruq fil-miżbliet - fuq il-ħamrija qrib kull wieħed tas-siti.

Francis Zammit Dimech qal li spieri fl-iskart tħaffru fil-Magħtab, il-Qortin u Wied Fulija u li ttiehdu kampjuni tal-gass għall-analiżi. Hu qal li ebda likwidu tat-tlissija ma’ kien identifikat f’xi waħda mill-miżbliet iżda kien possibbli li jittieħdu kampjuni tal-fwar tal-likwidu li fforma fuq l-istrumenti tal-monitoraġġ li tqiegħdu fil-Magħtab. Qed issir analażi ta’ dawn il-kampjuni.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li tniżżlu wkoll spieri fil-blat madwar il-Magħtab u l-Qortin biex jittieħdu kampjuni ta’ l-ilma taħt l-art. F’Wied Fulija ttieħdu kampjuni minn spieri eżistenti. Barra minhekk ittieħdu ukoll kampjuni minn spieri għal skopijiet agrikoli qrib il-Magħtab u l-Qortin. Il-kwalità ta’ l-ilma fil-viċinanza ta’ kull miżbla ġeneralment instab li jixbaħ dak f’partijiet oħra tal-gżejjer Maltin.

Francis Zammit Dimech qal li l-istadju li jmiss tal-proġett jinvolvi stimi ta’ riskji speċifiċi fuq numru ta’ siti, bażati fuq riżultati mill-investigazzjonijiet fit-tieni stadju u minn informazzjoni miġbura mill-istudju inizjali. Barra minn studji dwar l-impatt fuq l-ambjent, dawn jinkludu stħarriġ dwar ir-riskji għas-saħħa pubblika assoċjati ma’:

  • Emissjonijiet mil-landfills fl-arja;
  • Kuntatt ma’ skart mil-landfills;
  • Kuntatt mal-ħamrija madwar is-sit;
  • Kuntatt ma’ sediment mill-baħar fil-Magħtab u l-Qortin;
  • Kuntatt ma’ l-ilma tal-baħar fit-tliet siti;
  • Użu ta’ l-ilma taħt l-art, ħdejn is-siti, għall-irrigazzjoni u x-xorb.

Francis Zammit Dimech qal li r-riżultati ta’ stħarriġ dwar ir-riskji se jintuża biex ikun żgurat li l-istrateġiji għar-riabilitazzjoni żviluppati għal-landfills huma żguri kif ukoll sodi. Hu nnota li parti mix-xogħol fl-istadju li jmiss ikun dak ta’ identifikazzjoni ta’ użu sostenibbli tas-siti wara li jingħalqu. Hu maħsub li dawn jimmiraw lejn li jipprovdu benefiċċju li ma jispiċċax għall-komunitajiet lokali.

Francis Zammit Dimech fakkar li l-kumpannija responsabbli għal dan il-proġett hi Scott Wilson Kirkpatrick & Company Limited tar-Renju Unit li hi parti mill-grupp dinji ta’ konsulenti Scott Wilson. Hu qal li din il-ħidma tirrappreżenta dak li kien irrefera għalih bħala l-X-Ray tal-miżbliet eżistenti li kienet mira oħra kruċjali fl-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Immaniġġjar ta’ l-Iskart Solidu, li hi mmirata sabiex il-Gvern iżomm ma’ l-impenn sod tiegħu li jagħlaq il-miżbliet kollha sa l-aħħar ta’ l-2004, sabiex imbagħad jgħaddi biex jirriabilitahom b’mod li tassew jagħmel sens mil-lat ambjentali. Francis Zammit Dimech insista li l-amministrazzjoni preżenti trid profil xjentifiku tal-miżbliet għaliex profil bħal dan biss jista’ jgħin fir-riabilitazzjoni u r-restawr ta’ miżbliet eżisteni bl-iskop li jingħataw użu li jkun ta’ benefiċċju għall-komunità.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

More Press Releases Right arrow