Left arrow Go Back

DISKORS TAL-MINISTRU TAS-SAHHA, L-ONOR. DR. LOUIS DEGUARA WAQT SEMINAR DWAR IS-SIGURTA` TA` L-IKEL – IL-QAWRA – NHAR L-ERBGHA 20 TA NOVEMBRU 2002

PR1640
Date Icon 20/11/2002

Meta sentejn ilu kelli l-opportunita` nindirizza okkażjoni simili, kont sħaqt fuq il-fatt li dan il-Gvern huwa kommess biex jagħmel dak kollu li hu meħtieġ biex iħares is-sigurta` ta’ l-ikel. Naħseb li meta nħarsu lura tul dawn l-aħħar sentejn nirrealizzaw kemm tabilħaqq ilħaqna l-għan tagħna u għaldaqstant ma jidhirlix li hemm bżonn ta’ wisq provi. Ir-riżultati miksuba jitkellmu waħidhom.

Ovvjament, l-Att dwar is-Sigurta` ta` l-Ikel li ġie fis-seħħ f’nofs Settembru li għadda, huwa pass kruċjali. Din il-liġi kienet saret urġenti minħabba d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Iżda l-bżonn reali tagħha qiegħed fil-fatt li l-Maltin jixirqilhom l-aħjar anke fejn jidħol l-ikel u x-xorb. Ma jixirqilhom xejn inqas mill-Ewropej u kienet liġi meħtieġa anke li kieku ma kellna l-ebda intenzjoni li nsiru membri ta’ l-Unjoni Ewropea. L-Ewropa kienet biss l-ixprun biex tajna priorita` lil din il-liġi. B’sodisfazzjon ngħid li din il-liġi qablet magħha l-oppożizzjoni wkoll.

Din il-liġi hi importanti ukoll minħabba r-rwol kbir li għandha l-industrija turistika fl-ekonomija Maltija. Bħal ma kont għedt sentejn ilu inċident li għal pajjiż kbir ikun biss gidma ta’ nemusa għal pajjiż żgħir bħal Malta jista’ jkun diżastru li ndumu s-snin biex nirkupraw minnu.

Kulħadd jiftakar id-daqqa ta’ ħarta li ħadet l-industrija taċ-ċanga minħabba l-biżgħa mill-marda ta’ ġenn il-baqar. Kemm għal xhur sħaħ marru ħażin il-bdiewa u l-bejjiegħa tal-laħam. Kienet tbatija u nkwiet għal xejn. Mill-ewwel konna għedna li l-periklu kien minimu u li ħadna l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa. Dakinhar ħaddieħor deherlu li għal skopijiet tiegħu kellu għalfejn jallarma. Il-ħsara flok saret lill-gvern saret lill-kredibbilta` tiegħu. Ħasra li minħabba din il-pika batew il-bdiewa, tal-laħam u tar-ristoranti u tnissel ħafna nkwiet bla bżonn għall-konsumatur.

Issa li din il-liġi daħlet fis-seħħ għandna dimensjoni ġdida u moderna f’dak li jirrigwardja l-ħarsien tas-sigurta` f’l-ikel. Għaliex qiegħed ngħid dan? Nafu li bħalma ma jeżistix zero risk fejn tidħol il-preparazzjoni ta’ l-ikel, daqstant ieħor ma jista’ qatt ikun hemm infurzar kontinwu mija fil-mija, f’kull operazzjoni ta’ l-ikel f’Malta. Għalhekk din il-liġi ħasbet biex l-infurzar isir mill-operatur innifsu, dak li wieħed isejjaħlu self control. L-iskop ta’ l-awtoritajiet qed iqarreb kull ma’ jmur lejn awditjar. Nafu li għadna ’l bogħod, imma persważ li bl-għajnuna ta’ kull wieħed minnkom li qegħdin f’dan ix-xogħol, dan it-tip ta’ infurzar ser naslu għalih u b’hekk aħna bħala regolaturi ser inkunu nistgħu nużaw ir-riżorsi tagħna fejn l-aktar hemm bżonn. Napprezza li kull min qed jattendi llum għandu l-għan li jtejjeb l-operazzjoni tiegħu u għalhekk huwa l-pjaċir tiegħi li nindirizza din it-tip ta’ ġemgħa. Iżda daqstant ieħor naf li għad hawn ħafna operaturi li qed jonqsu f’dan id-dmir tagħhom.

Kien għalhekk li aħna dehrilna li kellna nieħdu passi biex intejbu s-sigurta’ ta’ l-ikel anke qabel ma ġie pubblikat l-Att dwar is-Sigurta’ fl-ikel. Hekk insibu li sena ilu dehrilna li kellna nippubblikaw żewġ regolamenti importanti. L-ewwel wieħed dwar ir-reġistrazzjoni ta’ l-istabbilimenti ta’ l-ikel u miegħu regolamenti oħra dwar ir-reġistrazzjoni ta’ min jipprepara l-ikel. Dawn ir-regolamenti daħlu fis-seħħ ferm qabel l-Att ewlieni, imma tant huma ta’ importanza li ridna nħaffu l-proċess għalihom. Bir-raġun għandkom mnejn tistaqsu għaliex dawn ir-regolamenti huma daqstant importanti. Jien persważ li l-kelliema ta’ warajja f’dan is-seminar ser jispjegaw aktar fid-dettal dwar il-kontenut u l-bżonn ta’ dawn il-liġijiet, imma kull operatur, kbir kemm hu kbir għandu jifhem li dan il-Gvern mhux ser joqgħod lura milli jħares lill-konsumatur minn xi riskju ta’ mard mill-ikel.

Waqt li nerġa’ nirreferi għal dawn iż-żewġ regolamenti li semmejt, għandkom tifhmu li fl-ewwel każ ma jista’ qatt ikollna waħda mill-aktar elementi importanti fil-ħarsien ta’ l-ikel, dik ta’ traceability tul il-katina ta’ l-ikel kollha, jekk bħala awtorita’ ma nafux bl-operazzjonijiet li jeżistu f’pajjiżna. Dan jispjega l-bżonn tar-regolamenti dwar ir-reġistrazzjoni ta’ l-istabillimenti tal-ikel. Daqstant ieħor, jekk mhux aktar ta’ importanza, huwa l-bżonn li kull min jimmaniġja l-ikel, fi kwalunkwe mod, għandu jkollu livell għoli biżżejjed ta’ tagħlim dwar l-iġjene ta’ l-ikel. Għalhekk nerġa’ ngħid li dan il-Gvern ħaseb biex hawn ukoll ikun hemm regolamenti biex iħarsu dan. Dan kollu juri l-impenn qawwi ta’ dan il-Gvern f’dan ir-rigward. U hawn nassigurakom li jien bħala Ministru tas-Saħħa u għalhekk responsabbli għall-ħarsien ta’ l-ikel, m’hux ser noqgħod lura milli naċċerta li kull persuna fil-produzzjoni ta’ l-ikel qiegħda toffri ikel li ma jkunx ta’ detriment għas-saħħa tal-konsumatur.

Dawn il-liġijiet li semmejt kienu biss il-bidu għax kelli l-opportunita’, anzi d-dover li dan l-aħħar iffirmajt diversi regolamenti oħra nkluż dawk dwar l-iġjene ta’ l-ikel. Qed insemmi din il-liġi għax għandha tkun il-gwida ġenerali għall-operaturi ta’ l-ikel biex jifhmu aħjar ir-responsabbiltajiet tagħhom. Deherilna iżda li għalkemm nsostnu fejn għandha taqa’ r-responsabbilta’, kienet tkun irresponsabbilta’ min-naħa tagħna kieku ma tajniex l-għodda biex, speċjalment dawk l-operaturi żgħar ikunu jistgħu joħolqu gwidi għall-operazzjoni tagħhom. Jien infurmat li f’dan ir-rigward l-Awtorita’ Maltija għall-Istandards qiegħda ’l quddiem biex tipproduċi dawn il-gwidi. Ta’ dan nirringrazzjahom bħalma nirringrazzja wkoll il-Kummissjoni għas-Sigurta’ ta’ l-Ikel, li jien waqqaft ferm qabel il-pubblikazzjoni ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ ta’ l-Ikel għax verament emmint il-bżonn u l-potenzjal ta’ din il-kummissjoni u bix-xogħol imwettaq s’issa jirriżulta li kelli raġun. Din il-kummissjoni għandha l-għan li waqt li ma tinfurzax direttament il-liġijiet ta’ l-ikel, tassigura li l-liġi qiegħda tiġi infurzata. Għalhekk kull awtorita’ fil-ħarsien ta’ l-ikel għandha tkun accountable għall-infurzar tagħha. Din il-Kummissjoni li għandha rappreżentazzjoni mill-awtoritajiet kollha kkonċernati għandha d-dmir ukoll li tassessja r-riskju fl-ikel, kif ukoll tikkomunika kwalunkwe’ riskju. Tant din il-kummissjoni kienet meħtieġa li tibda x-xogħol tagħha kmieni li twaqqfet qabel is-seħħ tal-liġi. Issa qegħdin fil-proċess li npoġġuha fuq bażi permanenti.

Ma kienx b’kumbinazzjoni li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, li jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ diretta tal-Ministeru tiegħi, ħass li kellu jagħmel ristrutturazzjoni sħiħa fl-ispettorat tiegħu. Oltre minn hekk inbidlet drastikament is-sistema ta’ spezzjonijiet fl-istabbilimenti ta’ l-ikel. L-ispezzjonijiet saru jsiru aktar b’mod xjentifiku, fattur importanti biex l-ispezzjonijiet jinbidlu għal awditjar. Nxtara ukoll diversi apparat biex jgħin lill-ispetturi tas-saħħa fil-ħidma tagħhom. Nemmnu iżda li dan l-infurzar għandu kullma jmur jiżdied u għalhekk qiegħdha tiġi ppjanata għall-futur qrib, sistema komputerizzata aktar effiċjenti u xiri ta’ aktar apparat. Infurmat ukoll li f’dawn l-aħħar ġranet l-amministrazzjoni ta’ l-ispettorat tas-saħħa ppubblikat diversi gwidi għall-ispetturi biex fost l-oħrajn l-ispezzjonijiet isiru b’aktar uniformita’ w effiċjenza. B’hekk tirrealizzaw li l-bidla hija għal kullħadd.

Bi spejjeż kbar qed issir ukoll ristrutturazzjoni fil-laboratorji tas-Saħħa Pubblika. Iżda konvint li din l-ispiża ser tgħin mhux ftit fil-ħarsien tas-sigurta’ ta’ l-ikel, kif ukoll biex dan il-laboratorju jingħata finalment l-akkreditazzjoni, ferm bżonjuża f’dawn iż-żminijiet.

Ma nixtieqx nieħu wisq aktar ħin minn dan is-seminar li persważ ser ikun ta’ għajnuna għal kull minn veru għandu s-sigurta’ ta’ l-ikel għal qalbu. Nagħlaq billi nfakkarkom li kull min jonqos mid-dover tiegħu li joffri l-ogħla livell, mhux biss jkun qed jipperikola s-saħħa tal-konsumatur iżda jkun qed jipperikola wkoll l-industrija ta’ l-ikel. B’hekk għandkom tkunu intom stess li dduru dawra madwarkom u tiżguraw li dawn it-tip ta’ operaturi jiġu identifikati għall-ġid ta’ kulħadd.

Nirringrazzjakhom ta’ din l-istedina u nawguralkom li jkollkom suċċess f’dan is-seminar.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

More Press Releases Right arrow