KOMPETIZZJONI GĦAL DISINN TAL-PAVIMENT FI TRIQ IL-MERKANTI
Meta kien qed ihabbar konkors ghall-progett ta' pavimentar ta' Triq il-Merkanti u Misrah San Gwann, il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern preżenti wiegħed li jerġa' jagħti lill-Belt Valletta d-dinjita' li jixirqilha bħala ċentru storiku, politiku u residenzjali. Għal dan l-iskop kien qed jitwettaq xogħol biex filwaqt li r-residenti tal-belt Valletta jgħixu f'ambjent aħjar, il-wirt storiku u t-teżori li hemm fil-kapitali ta' pajjiżna jitħarsu u jitgawdew aħjar.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li fl-1988 Gvern Nazzjonalista kien waqqaf il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta. Fakkar li minn dik is-sena sal-lum kienu ntefqu minn dan il-Proġett madwar Lm 4.5 miljun f'restawr tal-Konkatidral ta' San Ġwann; il-Palazz Presidenzjali - fejn qed isir xogħol ta' restawr fuq il-frescoes ta' Paladini u Aleccio; fid-diversi knejjes, palażżi, bereġ u statwi. Mill-1988 'l hawn, il-Gvern nefaq Lm 2.9 miljun f'xogħol ta' rikostruzzjoni u riabilitazzjoni fic-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran u Lm 4.6 miljun għar-restawr u r-riabilitazzjoni tal-Kavallier ta' San Ġakbu. Xogħlijiet oħra saru fuq is-swar, gardjoli u l-foss madwar il-Belt.
Francis Zammit Dimech qal li tul l-aħħar snin iddawwlu s-swar permezz ta' floodlighting, iddawwlet Triq ir-Repubblika, ittieħdu miżuri biex diversi faċċati ta' ħwienet jinġiebu għall-istat oriġinali tagħhom, tneħħew wires minn mal-ħitan u beda proċess biex it-toroq u l-bankini tal-Belt jinksew mill-ġdid bil-qawwi.
Qal li wara li sar il-pavimentar ta' Triq Żakkarija, Triq ir-Repubblika, Misraħ San Ġwann u Pjazza Reġina, kien il-ħsieb li jitkompla l-proġett ta' pavimentar f'toroq importanti oħra tal-Belt Valletta. Għal dan l-iskop kien se jsir konkors għal disinn għal parti ta' Triq Merkanti bejn Triq l-Arcisqof u Misraħ Kastilja u għall-parti ta' Triq San Ġwann, quddiem il-Konkatidral ta' San Ġwann.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li dawn iż-żewġ toroq tal-Belt Valletta huma importanti ħafna u l-pavimentar u t-titjib tagħhom se jgħaqqad mal-kumplament tal-partijiet diga pavimentati. Hu qal li għal dan l-iskop il-paviment ried isir minn materjal naturali. Fl-istess waqt il-proġett kien jinkludi t-titjib tas-servizzi kollha li jgħaddu taħt l-art.
Hu qal li f'dan l-istadju se jkun identifikat id-disinn li għandu jsir, biex wara li jkun approvat pjan ta' azzjoni bbażat fuq il-proposti li jsiru. Hu qal li l-konkors se jkun miftuħ għall-periti Maltin, jew periti barranin li jkunu qed jaħdmu ma' periti Maltin.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li d-disinji jridu jiġu sottomessi sas-17 ta' Mejju ta' din is-sena biex imbagħad jinfetħu fil-pubbliku nhar il-Erbgha, 22 ta' Mejju 2002. Hu qal li l-Kumitat ta' Aġġudikazzjoni se jkun kompost minn żewġ persuni nnominati mill-Ministeru għall-Ambjent, żewġ persuni nnominati mill-Kumitat għar-Riabiliazzjoni tal-Belt Valletta u l-Floriana u rappreżentant tal-Kunsill Lokali Valletta u tal-Kamra tal-Periti bil-Koordinatur Eżekuttiv tal-VRP jagħmilha ta' Chairman.
Francis Zammit Dimech qal li t-tisbiħ tat-toroq tal-Belt Valletta jinkwadra wkoll fix-xewqa tal-Gvern li l-kapitali ta' pajjiżna tibqa' wkoll ċentru residenzjali. Qal li kien f'dan il-kuntest ukoll li l-Gvern preżenti ħa diversi miżuri biex ir-residenti tal-Belt ikollhom dawk il-faċilitajiet li jgħollulhom il-livell tal-għajxien tagħhom. Il-Ministru għall-Ambjent fakkar li nġieb lura is-suq u l-Monti fil-Belt, li kien tnieda servizz bil-laneċ bejn Marsamxett u x-Xatt ta' tas-Sliema, li ġie ristrutturat is-Salinos Ground b'nefqa mill-Gvern ta' madwar Lm140,000, inbnew blokki ta' appartamenti godda li hadu post blokki ta' slums, ingħatat għajnuna biex ġew irranġati appartamenti u galleriji, twassal l-ilma permezz ta' pipeline minn tas-Sliema, ssaħħet is-sistema ta' l-elettriku u tat-telefon.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-Gvern hu marbut li jkompli jaħdem biex il-Belt Valletta tkompli tingħata d-dinjita' li jixirqilha. F'din il-ħidma tiegħu qed isib appoġġ mis-settur privat li qed jersaq 'il quddem biex jinvesti fl-iżvilupp tal-Belt. Ftit tax-xhur ilu kien approvat mill-istadji kollha u sar il-kuntratt dwar il-Cruise Passenger Terminal li x-xogħol fuqu beda xahrejn ilu. Qed ukoll jiġi diskuss il-proġett Connections li għandu jgħaqqad il-Belt Valletta mal-Kottonera u man-naħa ta' tas-Sliema bil-laneċ u li se jgħaqqad ukoll ix-xatt tal-Belt maċ-ċentru permezz ta' lifts. Hu qal li proġetti bħal dawn juru l-interess u l-fiducja li l-privat għandu fil-kapitali ta' pajjiżna.
Francis Zammit Dimech ħeġġeġ lil kulħadd biex iħares il-wirt storiku u kulturali li għandna fil-Belt Valletta. Ikun kollu ghalxejn li l-Gvern iwettaq proġetti ta' fejda u mbagħad ikun hemm minn jivvandalizzahom kif qed jigri f'diversi toroq u bankini li nksew bil-ġebel tal-qawwi jew bil-lava biex imbagħad daħlu trakkijiet mgħobbija fuqhom u ghamlu l-hsara. Hu appella lil kulħadd biex mhux biss ngħożżu dak li għandna iżda biex inħarsuh.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN