Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi Testendi l-Programmi Ħilti u Id f'Id għal 20 Skola
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea ħabbar li l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, f’ħidma kollaborattiva ma’ 14-il skola primarja ta' l-Istat, din il-ġimgħa se tiftaħ 14-il Ċentru Ħilti ġdid. Dawn l-erbatax-il ċentru, flimkien mas-sitt ċentri li diġa infetħu s-sena skolastika li għaddiet, se jfissru li l-Fondazzjoni se tkun tista toffri l-programmi ta' wara l-ħin ta' l-iskola Ħilti (għat-tfal) u Id f'Id (għall-ġenituri tagħhom) f'20 skola f'Malta u Għawdex.
Il-Ministru Louis Galea qal li dawn iċ-Ċentri joffru programm edukattiv għall-familja darbtejn fil-ġimgħa wara l-ħin ta’ l-iskola bejn is-2.30 u l-4.15 ta’ wara nofsinhar. Il-ġenituri tat-tfal li jipparteċipaw fi Klabb Ħilti fl-iskola tagħhom ikollhom l-opportunita’ li jiltaqgħu darbtejn fil-ġimgħa ma’ l-għalliem li jikkoordina ċ-Ċentru Ħilti biex jiddiskutu metodi prattiċi ħafna li jistgħu jużaw u jaddattaw id-dar biex jgħinu aħjar lil uliedhom jitgħallmu b’mod aktar effettiv.
Il-Ministru qal li daw il-programmi qed ikomplu jsaħħu d-diversi programmi ta' appoġġ li qed jingħataw biex kulħadd ikollu edukazzjoni ta' kwalita'.
Iċ-Ċentri Ħilti l-ġodda se jkunu bbażati f’erbatax-il lokalita’ f'dawn l-iskejjel primarji:
Birkirkara - Sir Anthony Valletta Primarja A
Fgura - Dun Ġużepp Żerafa Primarja A
- Emanuel D. Decesare Primarja B
Floriana - Antonia Galea Primarja
Marsa - Lorenzo Balbi Primarja
Mqabba - Primary C
Senglea - Dom Mauro Inguanez Primarja
St Julians - Dun Ġużepp Xerri Primarja
St Paul's Bay - Patri Feliċ Sammut Primarja
Tarxien - Dun Karm Sant Primarja
Żabbar - Santa Klara Primarja A
Żebbuġ - Dun Mikiel Xerri Primarja A
- Antonio Sciortino Primarja B
Żurrieq - Leli Camilleri Primarja A
Rabat (Għawdex) - Sir Arturo Mercieca Primarja
Xagħra (Għawdex) - Patri Mattew Sultana Primarja
Ma’ dawn iċ-Ċentri hemm sitta oħra li nbdew aktar kmieni din is-sena fl-iskejjel primarji pubbliċi ta’ Maria Immakulata Cospicua; Guze' Ebejer, Dingli; Għaxaq; Dun Carlo Manche', Gżira; Salvinu Spiteri, Ħamrun; u St Elmo, Valletta.
Jaħdmu f’dawn iċ-Ċentri Ħilti hemm ukoll grupp ta’ Activity Teachers mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni li jaħdmu id f’id ma’ l-għalliema tal-Fondazzjoni biex jitmexxew il-programmi edukattivi għal tfal u għal ġenituri tagħhom.
Fi skola primarja oħra, dik ta’ Mosta B, qed jinbeda Homework Club li huwa marbut ma' strateġija aktar usa' ta’ litteriżmu li qed tiżviluppa l-iskola stess bl-appoġġ tad-Dipartiment tal-Kurrikulu fi ħdan id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u tal-Fondazzjoni. Dan il-Club se jitmexxa minn għalliem mal-Fondazzjoni u żewġ Activity Teachers mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni.
Il-Fondazzjoni qed tmexxi servizz ieħor edukattiv għall-familji fuq livell nazzjonali li huwa bbażat fi skola primarja u li jitwettaq bejn l-4.30 u s-6.30 ta’ filgħaxija.
Fil-lokalita’ tal-Belt, il-Fondazzjoni ssieħbet mal-Valletta Football Club u l-iskola Primarja biex subien li ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fi Klabb Ħilti, jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ litteriżmu marbuta mat-taħriġ tal-futbol li qed isegwu fin-nursery tal-Valletta FC. Dal-mudell se jiġi żviluppat f’lokalita’ oħra wkoll dalwaqt.
Xi wħud miċ-Ċentri Ħilti se jkunu qed jipparteċipaw ukoll fil-proġett ‘Parent Empowerment for Family Literacy’ taħt il-programm Grundtvig/Socrates tal-Unjoni Ewropea billi jistabbilixxu komunikazzjoni ma’ Ċentri simili f’pajjiżi oħra Ewropej imsieħba f’dan il-proġett.
Nhar is-Sibt li ġej, fl-istand tal-Klabb Kotba Maltin fil-Fiera tal-Ktieb, il-Fondazzjoni se tmexxi sensiela ta’ waqtiet ta’ qari mmexxijin minn personalitajiet magħrufa bħal Dr. Ċensu Tabone, Ira Losco, Trevor Zahra, Mary Spiteri, u Claudette Pace. Dawn il-personalitajiet se jaqraw kotba għat-tfal ippubblikati bi sħubija bejn il-Fondazzjoni, l-HSBC Cares for Children Fund u l-Klabb Kotba Maltin.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en