Programmi għall-Ġid ta' Uliedna
"Il-programm Comenius ta' l-Unjoni Ewropea qed ikun ta' benefiċċju kbir għall-iskejjel, l-għalliema u b'mod speċjali għat-tfal Maltin li jipparteċipaw f'dan il-programm". Dan qalu l-Ministru ta' l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea meta attenda għall-inawgurazzjoni tal-programm Comenius fl-iskola primarja Dun Karm Sant ta' Ħal Tarxien, li għandha bħala motto: "Bħal Familja Waħda Nitgħallmu Flimkien".
Il-Programm, bit-tema "Sharing and comparing teaching methods to meet the needs of all pupils in a Mainstream School" hu kkoordinat mill-iskola Maltija ta' Ħal Tarxien. L-iskejjel li ssieħbu huma l-iskola primarja Crook f'Durham fir-Renju Unit, l-iskola primarja St. Mary f'Culfadda fl-Irlanda u l-iskola primarja ta' Krodren fin-Norveġja.
L-iskop tal-proġett hu li fit-tlett snin li ġejjin it-tlett skejjel jaħdmu flimkien biex jiskopru aktar dwar il-qari, il-kitba u n-numri, dwar il-metodi tat-tagħlim u l-mod kif jitgħallmu t-tfal. Fl-ewwel sena (2002-3) l-iskejjel se jiffokaw fuq il-qari, fit-tieni sena (2003-4) fuq il-kitba, u fit-tielet sena (2004-5) fuq in-numri. Kull sena l-iskejjel se jippreżentaw rapporti dwar il-metodoloġija użata. Dawn ir-rapporti jinkludu wkoll filmati meħudin fuq video.
Se ssir ukoll riċerka dwar dawn il-metodoloġiji u r-riżultati se jiġu mqassma f’kull skola li qed tipparteċipa. Barra minhekk, l-iskejjel se jorganizzaw laqgħat għall-għalliema u għall-ġenituri dwar l-andament tal-proġett. L-ideat li jinġabru minn dawn il-laqgħat se jitniżżlu f’web page imħejjija apposta għall-proġett. Dan kollu hu parti mill-Pjan ta' Żvilupp ta' l-Iskola ta' Ħal-Tarxien.
Waqt it-tnedija tal-proġett fl-iskola ta' Ħal Tarxien rappreżentanti minn kull skola tkellmu dwar l-importanza ta' dan il-proġett għall-iskola u t-tfal tagħhom. Huma qalu li diġà saru jafu ħafna aktar dwar Malta u t-tfal Maltin diġà bdew jiskopru l-pajjiżi u l-kulturi tagħhom; u dan hu pass importanti biex tiżviluppa l-ħbiberija bejn il-pajjiżi ta' Ewropa. L-erba’ skejjel bejniethom ser iwettqu wkoll 'Correspondence Pen Pal Club' biex iħeġġu t-tfal jiktbu ittri lil xulxin. Ir-rappreżentant ta' l-iskola Irlandiża ġabet magħha 65 ittra mit-tfal ta' l-iskola St. Mary għat-tfal Maltin biex jibdew jikkorrespondu.
Il-Ministru Louis Galea tkellem dwar l-importanza tal-programmi Ewropej għall-iskejjel Maltin għax taghtihom l-opportunità jinfetħu għal ideat ġodda kif ukoll biex jiskopru aktar riżorsi u materjal edukattiv. Il-Ministru qal li jieħu gost jara li skola Maltija mhux biss qed tipparteċipa f'dawn il-programmi iżda qed tkun hi l-koordinatur tal-programm.
Dan, qal il-Ministru, hu wieħed mill-vantaġġi ewlenin ta' sħubija fl-UE, li pajjiżna jkun jista joħloq u jmexxi l-programmi li huma l-aktar ta' ġid għall-pajjiżna. Dan ma jkunx possibbli jekk Malta ma tkunx membru.
Il-Ministru rrefera wkoll għall-laqgħat li qed isiru bħalissa mill-Focus Groups fil-proċess ta' l-implimentazzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali. Hu rrefera b'mod partikolari għall-laqgħat li saru din il-ġimgħa mill-Focus Groups ta' l-Edukazzjoni Primarja u ta' l-użu tat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u l-Kommunikazzjoni fl-iskejjel.
Hu qal li mill-ewwel laqgħa ħareġ ċar kemm hu importanti li noffru programm edukattiv individwalizzat biex nilħqu kull tifel u tifla fl-iskejjel tagħna u dan jorbot mat-tema li ntgħażlet mill-iskola ta' Ħal Tarxien, mit-tieni laqgħa ħareġ li f'pajjiżna għandna riżorsi teknoloġiċi ta' l-ogħla livell li għandhom ħafna potenzal li għadu mhux qed jiġi mmassimizzat, proġett bħal dan jista' jkun ta' katalist biex nużaw aktar it-teknoloġija ta' l-informatika.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928