JUM IL-MORDA 2002 F'GĦAWDEX
Huwa xieraq illi fil-ġurnata tal-lum, forsi ftit aktar minn kull jum ieħor tas-sena, naħsbu f'dawk il-persuni li bħalissa qed jitħabtu ma' xi mard.
Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, meta fl-okkażjoni ta' Jum il-Morda 2002, żaret is-swali ta' pazjenti nisa, rġiel u tfal fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex u anke qassmet xi rigali lill-pazjenti rikoverati.
"Aħna l-Maltin u l-Għawdxin magħrufa għall-kuxjenza soċjali tagħna. Forsi għalina lkoll dan jibqa' jum bħall-oħrajn għax aħna min-natura tagħna niġu minn ta' quddiem biex nduru b'min ikun marid u ħafna huma dawk li qed jiddedikaw ħajjithom biex iduru b'min jinsab fil-bżonn. Dawn ħafna drabi jaħdmu fil-moħbi tad-djar, jaħdmu bla heda favur familjari li jkollhom bżonnijiet partikolari."
Hija stqarret kif ħafna drabi l-isptarijiet, it-tobba, l-infermiera u l-paramediċi m'humiex biżżejjed biex persuna tissupera l-mard tagħha. Irid ikun is-support u l-attenzjoni tal-familjari flimkien mal-ħidma fejjieda ta' bosta għaqdiet non-governattivi li jgħinu bil-kbir biex min ikun marid ikun jista' jerġa' lura għall-ħajja u r-rutina tiegħu.
Il-Ministru għal Għawdex kienet akkumpanjata minn Dr. Anthony Livori, Suprintendent Sptar Ġenerali t'Għawdex. Il-Jum Dinji tal-Morda twaqqaf mill-Papa prezenti fl-1993, biex min hu f'saħħtu jieqaf mir-rutina mgħaġġla u jipprova jaħseb ftit fuq l-għajnuna li jista' tagħti lil min hu batut.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN