Gvern ta' l-Edukazzjoni, Gvern tat-Teknoloġija ta' l-Informatika
"Sa tmiem Novembru 85% ta' l-iskejjel primarji u 89% ta' l-iskejjel sekondarji se jkunu ingħataw l-aċċess għall-Internet. F'dawn l-iskejjel kull student ingħata e-mail u ħames megabytes (5Mb) ta' spazju biex ikollhom il-web-page tagħhom. Kull skola qed tingħata 25 megabyte ta' spazju għall-paġna ta' l-iskola. Fejn jidħol l-Internet qed isir kull sforz biex f'kull ħin it-tfal ikunu protetti mill-pornografija u materjal ieħor li jista' joffendihom."
Dan qalu l-Ministru ta' l-Edukazzjoni, l-Onor. Dr. Louis Galea meta attenda għal konferenza ta' jumejn li qed jorganizza l-Focus Group tat-Teknoloġija ta' l-Informatika u Kommunicazzjoni (ICT) fl-Edukazzjoni Primarja. Dan hu parti mill-proċess importanti li qed jitwettaq mill-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu għat-twettieq tal-bidliet meħtieġa fis-sistema ta' l-Edukazzjoni.
Għal din il-Konferenza qed jattendu rappreżentanti tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, Education Officers, il-Koordinaturi ta' l-Iskejjel Primarji, membri tal-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu, rappreżentanti ta' Focus Groups oħra, rappreżentanti ta' l-Universita', rappreżentanti tal-MUT u rappreżentanti ta' l-Assoċjazjoni Kunsilli Skolastiċi.
L-iskop ta' din il-konferenza hu li joħloq djalogu bejn dawk kollha li jippromwovu u jikkoordinaw l-użu tal-ICT fil-livell primarju u dawk li jħarrġu lill-għalliema f'dan il-qasam.
Il-Ministru Louis Galea qal li pajjiżna hu minn ta' quddiem f'dan il-qasam u jekk inkomplu naħdmu fid-direzzjoni tal-Gvern u nkomplu ninvestu f'dan il-qasam, intejbu il-kompettitivita’ tagħna u nkomplu nattiraw aktar xogħol għal pajjiżna.
"Il-Gvern preżenti, b'viżjoni moderna li jsaħħaħ pajjiżna, sa min snin ilu investa bil-qawwi biex insaħħu l-infrastruttura tal-komunikazzjoni f'pajjiżna kif ukoll biex nħarrġu lill-poplu fil-livelli differenti" qal il-Ministru meta kien qed jitkellem dwar l-iżviluppi li seħħew f'dawn l-aħħar snin. Illum kull klassi f'kull skola għandha erba' kompjuters u laptop għal kull għalliem, hemm ukoll printer u monitor kbir għall-ispjegazzjonijiet, u kull kompjuter għandu is-software kollu meħtieġ. Il-Kompjuters kollha ta' kull klassi, li issa qed jiġu minsuġa ma’ xulxin u ma’ l-Internet, se jkompli jsaħħaħ ir-riżorsi li jeżistu u se jżidu għodda ġdida għat-tagħlim.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-ftuħ ta' l-iskejjel ta' l-istat għall-kommunita'. Hu qal li flimkien mal-Ministeru għall-Ġustizzja u Gvern Lokali issa ser nibdew nużaw skejjel sekondarji li għandhom il-laboratorji tal-kompjuter biex persuni ta' kull eta ikunu jistgħu jitħarrġu. Louis Galea qal li hu ta' sodisfazzjon kbir li fil-jiem li intlaqgħu l-applikazzjonijiet fil-fiera ta' l-informatika, applikaw 6000 persuna.
L-applikazzjonijiet se jkomplu jiġu milqugħa fil-kunsilli lokali fil-ġimgħat li ġejjin. "Din hi inizjattiva li turi kemm il-Gvern hu kommess li jagħti l-aħjar opportunitajiet ta' taħriġ lill-poplu" qal Louis Galea li tenna li din l-inizjattiva tifforma parti mill-istrateġija tal-Gvern biex bil-fatti jiżviluppa l-iskejjel f'ċentri ta' tagħlim fis-soċjeta' u l-istrateġija tal Gvern biex tiżviluppa soċjeta' u ekonomija bbażata fuq l-informazzjoni u l-kommunikazzjoni.
Il-Gvern qed jaħdem ukoll biex f'pajjiżna joħloq ċentru ta' eċċellenza fir-reġjun fis-settur teknoloġiku. Dan qed iwassal biex pajjiżna jattira kumpaniji multi-nazzjonali bħal ma huma l-Microsoft u is-Cisco biex jistabbilixxu f'pajjiżna ċentri reġjonali ta' taħriġ.
Il-Ministru Louis Galea temm jgħid li pajjiżna irid ikun flessibli u lest għall-bidla u dan ifisser li, b'mod partikolari fil-qasam edukattiv irridu nibqgħu aġġornati u dejjem inħarsu fil-futur biex ngħarrfu x'se jkun rilevanti fis-snin li ġejjin u x'opportunitajiet u sfidi goġġa se niffaċċjaw.
"Il-Gvern preżenti hu fil-fatt u b'mod konkret il-Gvern ta' l-Edukazzjoni kif ukoll il-Gvern tat-teknoloġija ta' l-Informatika għaliex bil-ħsieb u b'viżjoni ċara investa f'dawn l-oqsma biex ipoġġi lill-pajjiżna fuq il-mappa f'dawn l-oqsma u biex finalment joffri l-aħjar opportunitajiet lill-Maltin kollha".
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928