Programm Edukattiv Individwali fil-Klassijiet Primarji
Bħala parti mill-proċess ta' implimentazzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali, il-Focus Group li jiffoka fuq l-Edukazzjoni Primarja organizza seminar għall-kapijiet ta' l-Iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u Indipendenti bit-tema "Differentiation - Giving the Best to Each Child".
Fis-seminar ġie diskuss kif l-iskejjel Primarji jridu joffru programm edukattiv li jilħaq lit-tfal kollha billi jara x'inhuma l-kapaċitajiet tagħhom u l-metodu ta' kif it-tfal jitgħallmu. L-għalliema iridu jaraw li waqt il-lezzjonijiet fil-klassi kull student jingħata l-attenzjoni meħtieġa u eżerċizzji varjati li joħorġu l-aqwa kapaċitajiet ta' l-istudent.
Il-Kurrikulu Nazzjonali fl-ewwel prinċipju tiegħu jgħid li "L-iskop aħħari tal-Kurrikulu Nazzjonali huwa li joħloq kultura edukattiva li tiżviluppa l-potenzjal ta' l-istudenti individwali mingħajr ma jiddgħajfu l-prinċipji tas-solidarjeta' u l-kooperazzjoni". Il-Kurrikulu Nazzjonali jqis id-dritt għall-edukazzjoni ta' kwalita' għal kulħadd bħala l-iskop ewlieni tal-proċess ta' tiġdid li jrid iġib miegħu l-istess Kurrikulu. Biex dan ikun possibbli ma nistgħux nibqgħu noffru programm edukattiv uniku għal kulħadd imma programm edukattiv flessibbli u maħsub biex kull tifel u tifla fl-iskejjel tagħna jintlaħqu.
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea tkellem mal-kapijiet dwar l-importanza ta' dak li qed iseħħ bħalissa fl-edukazzjoni. Hu qal li dak li qed jagħmlu l-Focus Groups bħalissa flimkien mal-Kapijiet ta' l-Iskejjel u l-għalliema hu proċess li qed iġib bidla fil-prattika u b'mod konkret. Għalhekk l-iskejjel issa iridu jaraw kif dak li hemm fil-Kurrikulu jiġi imwettaq fl-iskejjel bl-għajnuna ta' l-istrutturi li twaqqfu.
Il-Ministru Galea qal li l-Gvern, f'dawn l-aħħar erba' snin ħadem biex joħloq u jsaħħaħ l-istrutturi kif ukoll biex jipprovdi l-finanzjament meħtieġ kemm biex jitwettaq il-Kurrikulu kif ukoll biex l-għalliema jingħataw taħriġ u aġġornamnet. Il-Ministru qal li l-allokazzjoni ta' flus għal din is-sena se tlaħħaq kważi il-100 miljun lira fl-edukazzjoni ta' ulied il-poplu. Il-vot għat-taħriġ ta' l-għalliema, fl-aħħar sentejn żdied għal Lm 300,000 fis-sena.
"Hu pożittiv ħafna li tara li f'pajjiżna l-klassijiet tal-Primarja huma fil-maġġoranza tagħhom klassijiet żgħar biżżejjed biex l-għalliema jkunu jafu lill-istudenti b'mod individwali u biex ikunu jistgħu joffrulhom programm edukattiv individwalizzat. Ftit aktar minn 50% tal-klassijiet għandhom anqas minn 20 tifel u tifla, u kważi 90% għandhom anqas minn 25".
Il-Ministru Louis Galea qal li l-iskejjel f'pajjiżna huma wkoll mogħnija b'riżorsi u b'teknoloġija li jpoġġuna minn ta' quddiem, fost il-pajjiżi l-aktar żviluppati. Dawn ir-riżorsi jridu jintużaw b'mod għaqli u b'mod li jiġi massimizzat il-potenzjal tagħhom b'mod partikolari biex noffru programmi differenzjati ta' tagħlim għall-istudenti.
Il-Ministru temm jgħid li l-għalliema jridu jgħarfu li l-fatt li jkun hemm id-diversita' fl-iskejjel hu ta' benefiċċju u mhux żvantaġġ. "Li aħna ngħallmu lit-tfal b'mod differenzjat u b'mod li kulħadd jingħata programm edukattiv individwali hi responsabbilta' morali li rridu nerfgħuha lkoll bħala edukaturi" qal Louis Galea.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928