Left arrow Mur Lura

Ġnien pubbliku ġdid fil-Baħrija

PR155
Date Icon 08/02/2002

Art li hemm viċin il-knisja l-ġdida tal-Baħrija se tinbidel fi ġnien pubbliku permezz ta’ inizjattiva li qed tittieħed flimkien, mill-Kunsill Lokali tar-Rabat, mill-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd, mill-Ministeru għall-Ambjent u mill-Fondazzjoni Ekoloġika Maltija – ECO. Fuq din l-art mistennija jitħawlu mhux anqas minn 400 siġra.

Dan il-proġett ingħata bidu dalgħodu meta l-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd Ninu Zammit, il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech u s-Sindku tar-Rabat is-Sur Rudolph Grima, ħawlu l-ewwel siġar li se jkun hemm f’dan il-ġnien.

Is-siġar, kollha tal-Għargħar, li hi s-siġra nazzjonali, kienu pprovduti mid-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura bħala parti minn proġett akbar li tnieda mill-ECO bil-ħsieb li jitħawlu madwar 1,000 sigra f’diversi lokalitajiet f’Malta, bis-siġar marbuta ma’ trabi li twieldu matul is-sena li għaddiet.

Filwaqt li feraħ lill-Fondazzjoni Ekoloġika Maltija għal din l-inizjattiva, il-Ministru Zammit esprima s-sodisfazzjon tiegħu li beda jasal il-messaġġ li xtaq iwassal f’Novembru li għadda, meta qassam żerriegħa u biċċiet ta’ pjanti biex jitkabbru mit-tfal ta’ l-iskola. Dakinhar hu kien appella biex titkabbar aktar is-siġra nazzjonali kif ukoll biex f’pajjiżna tibda titħawwel siġra għal kull tarbija li titwieled kif diġà qed isir f’pajjiżi oħra. Hu qal li l-inizjattiva ta’ l-ECO qed tolqot dawn iż-żewġ skopijiet.

Il-Ministru Zammit qal li l-ħidma biex f’pajjiżna jkun hawn ferm aktar siġar hi waħda kostanti kemm fir-rigward ta’ siġar ornamentali kif ukoll siġar tal-frott. Hu semma li d-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura jipproduċi eluf ta’ siġar ornamentali fis-sena, filwaqt li issa bdiet tingħata spinta wkoll lill-produzzjoni tas-siġar tal-frott.

Hu qal li f’dawn l-aħħar jiem tqassmu aktar minn 10,000 siġra tal-frott bi prezz sussidjat. Il-parti kbira minnhom kienet importata mill-Italja.

Madankollu, kompla l-Ministru Zammit, l-importazzjoni mistennija tonqos sostanzjalment fis-snin li ġejjin peress li se jkun hemm żieda qawwija fil-produzzjoni lokali ta’ siġar tal-frott tant li din is-sena mistennija jitlaqqmu madwar 21,000 siġra tal-frott. Ħafna minnhom se jitlaqqmu fuq rootstocks imkabbra fiċ-Ċentru tal-Bioteknoloġija tal-Pjanti f’Ħal Lija.

Il-Ministru Zammit irrifera wkoll għall-proġetti ta’ afforestazzjoni li se jsiru mill-Gvern fis-snin li ġejjin, fejn mistennija jitħawlu b’kollox mhux anqas minn 170,000 siġra. Hu qal li għal dawn il-proġetti l-Gvern talab u se jingħata l-għajnuna teknika taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Istudji Agronomiċi fil-Mediterran, li tiegħu Malta hi membru.

Fl-aħħarnett hu tenna l-appell tiegħu lill-pubbliku biex jieħu ħsieb u jħares lis-siġar, b’mod partikolari mill-vandaliżmu. Hu fakkar li b’dak li niżirgħu llum inkunu qed noħolqu ambjent isbaħ kemm għalina u aktar u aktar għal dawk li għad iridu jiġu warajna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow