Skema ta’ kumpens għal min irabbi l-baqar
Il-Ministeru ta’ l-Agrikultura u Sajd u l-Kooperattiva tal-Produtturi tal-Ħalib illum iffirmaw ftehim li permezz tiegħu se tiddaħħal, bi prova għal sena, skema ġdida ta’ kumpens dirett lir-raħħala fuq il-ħalib li jipproduċu.
Il-ftehim kien iffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Agrikultura u Sajd, l-Onor. Ninu Zammit, li qal li din l-iskema se tieħu post l-iskema magħrufa bħala Beef Intervention.
Hu spjega li taħt l-iskema l-qadima, il-Gvern kien qed joħroġ mijiet ta’ eluf ta’ Liri biex jissussidja dawk il-baqar li jinqatlu wara li jkunu għamlu numru ta’ snin jipproduċu l-ħalib u allura l-karkassa tagħhom tmur għall-ipproċessar. Peress li dawn il-baqar ma jġibux prezz tajjeb, il-Gvern kien jistabbilixxi l-prezz hu, u jissussidja lir-raħħala fejn ma jġibux dak il-prezz.
Hu fakkar li meta kienet introdotta l-iskema antika fl-1995, l-ammont ta’ laħam li kien imur għall-ipproċessar kien jammonta għal madwar 240 tunnellata b’sussidju ta’ Lm215,000 fis-sena, liema ammont tela’ għal 360 tunnellata b’sussidju ta’ madwar Lm480,000 fis-sena 2001. Din l-iskema għaldaqstant kellha tkun irranġata biex tiddaħħal iżjed effiċjenza u bl-iskop li tkun aktar ekonomika.
Il-Ministru Zammit qal ukoll li din l-iskema ma kinitx qed twassal għal inizjattivi li permezz tagħhom ir-raħħala jirristrutturaw l-operat tagħhom u jagħmlu dak it-tibdil meħtieġ anki fir-rigward ta’ kif jiddisponu mill-iskart fl-irziezet tagħhom.
Hu żied li permezz ta’ l-iskema l-ġdida, il-Gvern se jalloka madwar Lm500,000 għal perijodu ta’ sena u l-iskop hu li tiżdied l-effiċjenza fil-produzzjoni tal-ħalib, jiġifieri li l-baqar iżidu kemm fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità tal-ħalib li jipproduċu.
Permezz ta’ l-iskema, kompla l-Ministru Zammit, kull raħħal se jirċievi 5ċ kull gallun fuq il-ħalib li jipproduċi skond il-kwota tiegħu, kemm dik li realment hi tiegħu kif ukoll dik mislufa. Peress li l-kwota m’hix imqassma kollha u peress li mhux ir-raħħala kollha jilħqu l-kwota, parti mill-kumpens se jgħaddi għand kumpannija li se titwaqqaf apposta mill-Kooperattiva bl-iskop li torganizza s-suq taċ-ċanga tal-produtturi membri u ta’ oħrajn interessati li jissieħbu f’din l-inizjattiva.
Il-Ministru Zammit esprima t-tama li din l-iskema tkun estiża fuq bażi permanenti u li l-introduzzjoni tagħha sservi biex tidħol aktar effiċjenza fis-settur tal-ħalib u biex il-produtturi għall-ewwel darba jibdew ikunu responsabbli mhux biss għall-produzzjoni tal-ħalib u ċ-ċanga iżda wkoll għall-marketing ta’ dawn il-prodotti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928