Left arrow Mur Lura

GVERN 1998-2003 – ‘TOROQ U KOMUNIKAZZJONI’

PR1543
Date Icon 04/11/2002

Mixjin ’l Quddiem

“Bħalma għamel fis-setturi l-oħra kollha li huma importanti għall-kwalità tal-ħajja tal-Maltin, il-Gvern indirizza l-oqsma tat-toroq u l-komunikazzjoni bis-serjetà, b’impenn u b’sens ta’ direzzjoni; b’idea ċara ta’ minn fejn tlaqna u ta’ fejn nixtiequ naslu,” qal il-Vici Prim Ministru Lawrence Gonzi, waqt ħarsa lejn il-ħidma li wettaq il-Gvern f’dawn is-setturi. “Kulħadd juża dawn is-servizzi u jixtieq li l-problemi jingħelbu u l-isfidi jiġu iffaċjati kemm jista’ jkun malajr – izda l-għaqal hu mhux li ssolvihom malajr iżda li ssolvihom darba għal dejjem – u dan hu li qed inwettqu.”  

It-Toroq Tagħna 

L-impenn ta’ dan il-Gvern f’dan is-settur m’huwiex zgħir – matul l-erba’ snin li għaddew, il-Gvern nefaq Lm 30 miljun fuq it-toroq. Kulħadd qed jara r-riżultat ta’ dan, bit-twettiq ta’ programm sħiħ ta’ titjib, bil-ftuħ ta’ toroq ġodda, titjib f’dawk eżistenti u sinjali tat-traffiku ta’ livell internazzjonali.  Dan qiegħed isir għax il-Gvern għaraf il-bżonn li t-toroq tagħna jitjiebu, għall-benefiċċju ta’ kull min jużahom. Kien għalhekk li l-Gvern investa riżorsi konsiderevoli biex jassigura li Malta ser ikollha toroq ta’ l-ogħla livell biex iservuna mhux biss għalissa izda ukoll matul is-snin li ġejjin.  Għalkemm xogħol bħal dan għandu bżonn iż-żmien tiegħu biex isir sew, fil-postijiet fejn tlesta wieħed jista’ jara, u jipprova r-riżultat.  

Sar xogħol estensiv fuq għoxrin triq arterjali. Dawn jinkludu Triq l-Mdina Qormi u Triq l-Mdina Attard, il-Coast Road, it-Triq ta’ Hal Far, it-Triq ta’ Burmarrad it-triq li tagħti mill-Qawra san-Naxxar, Psaila Street, iz-zona fil-bidu tal-Mellieha kif ukoll Triq Hompesch, Fgura.  Sar ukoll xogħol fuq aktar minn 300 triq residenzjali f’għadd kbir ta’ lokalitajiet u twettaq xogħol ieħor fuq it-toroq fl-industrial estates ta’ l-Imriehel, Tal-Handaq, u Ħaz-Zebbug.  

Bħalissa, għaddej xogħol fuq madwar 30 kilometru ta’ toroq, b’nefqa ta’ LM 9 miljun, f’madwar tnejn u għoxrin lokalità differenti.  It-toroq qed jinqalgħu mill-qiegħ u jerggħu jinbnew mill-gdid, b’pedamenti sodi. Biex it-toroq ma jerġgħux jiqalgħu wara li jitlestew, il-Gvern ħsieb li jinbnew culverts għas-servizzi kif ukoll għall-ilma tax-xita. B’hekk jekk tinqala’ xi ħsara f’xi servizzi li jkunu għaddejjin min taħt it-triq, tiġi evitata l-problema li terġa’ tinqala’ t-triq ftit wara li tkun tlestiet.  Biex il-livell ikompli jitjieb kif mixtieq, se jibda jitħaddem master-plan, mifrux fuqgħaxar snin li se jiżgura li jkompli jkun hemm titjib fit-toroq b’mod ippjanat u kkoordinat.

Ħafna familji Maltin, speċjalment tfal, zgħazagħ u anzjani, jużaw it-trasport pubbliku. Hawnhekk ukoll il-Gvern qiegħed iħejji għall-bidla sostanzjali fil-kwalità billi nħarġu “specifications” obbligatorji għall-karozzi tal-linja ġodda li jiggarantixxu kumdità u sigurtà għal kull min jużahom. Il-Gvern żied b’mod qawwi s-sussidju, li issa jlaħħaq Lm 32,000, għal kull sid li jixtieq jixtri karozza tal-linja ġdida.  B’hekk jingħata servizz aħjar u iżjed konvenjenti u iżjed nies jitħajru jużaw it-trasport pubbliku filwaqt li jonqos it-traffiku.  Il-karozzi l-ġodda, minbarra li se jagħmlu ħafna anqas ħsara lill-ambjent u lis-saħħa, huma aktar aċċessibbli għall-anzjani, tfal żgħar u nies bi problemi ta’ mobilità.

Telekomunikazzjoni

Is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni llum saru parti integrali mill-ħajja moderna ta’ kuljum, bl-użu dejjem jikber tat-telefon, tal-computers, ta’ l-internet u tal-mobile phone.

Familji Maltin, bħal dawk f’kull pajjiż żviluppat ieħor, saru japprezzaw il-facilità li jistgħu jkunu f’kuntatt ma’ xulxin kullimkien u f’kull ħin. Issa, b’riżultat ta’ l-emendi fl-Att tat-Telekomunikazzjoni, il-Maltin għandhom aċċess għall-varjetà sħiħa ta’ servizzi f’dan il-qasam li jħabbtuha ma’ l-aqwa fid-dinja. L-aħħar statistiċi juru li 25% tal-popolazzjoni Maltija għandha aċċess għall-internet filwaqt li 250,000 persuna f’Malta għandha telefon ċellulari.

F’Jannar li ġej, dan is-settur jiġi lliberalizzat kompletament. Dan mistenni jġib miegħu firxa usa’ ta’ servizzi u aktar effiċjenza. Fosthom nistennew roħs fit-tariffi tat-telefonati internazzjonali.  

Dan kollu sar għax il-Gvern għamel investimenti kbar f’dan is-settur, sabiex jgħolli l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Il-mira tal-Gvern issa hi li nibqgħu mixjin bir-ritmu mgħaġġel li qbadna kif qed isir fl-infrastruttura ta’ l-informatika.

Il-Qasam Marittimu

Bħala gżira, il-qasam marittimu bilfors għandu impatt kbir fuq il-ħajja tagħna. Barra minn hekk, ir-reġistru merkantili Malti hu l-ħames l-akbar reġistru tal-vapuri fid-dinja. Bħal f’kull qasam ieħor, il-Gvern mexa b’impenn serju biex l-affarijiet jimxu ’l quddiem.  In-numru totali ta’ vapuri taħt il-bandiera Maltija, issa laħaq 3,100 bi gross ta’ 27.5 miljun tunnellata. Illum, adattajna ruħna sew għal dak li hemm maħsub fil-ligi internazzjonali dwar il-vapuri merkantili u twaqqaf kunsill leġislattiv apposta biex iżomm il-ligijiet ta’ Malta fil-qasam marittimu dejjem aġġornati.  

It-traffiku marittimu lejn il-gżejjer Maltin qed ikompli jikber, kemm fl-ammont ta’ vapuri kif ukoll fil-piż.  L-akbar żieda ġejja mill-cruise liners li qed jużaw il-Port il-Kbir dejjem aktar. Sa l-aħħar tas-sena, mistennija li jkunu waslu ma’ l- 400 cruise liner li jkunu ġabu magħhom mat-300, 000 passiġġier.  

Matul din is-sena tkompla x-xogħol mill-Awtorità Marittima fuq il-proġett għall-iżvilupp tal-portijiet taċ-Ċirkewwa u ta’ l-Imġarr. L-għanijiet prinċipali ta’ dan il-proġett, li mistenni jiswa madwar Lm13-il miljun, huma li l-port taċ-Ċirkewwa jsir port li jista’ jopera kemm jista’ jkun f’kull temp kif ukoll sabiex jiġu akkomodati aħjar il-bastimenti tal-Gozo Channel Co. Ltd u l-pubbliku jkun moqdi aħjar u b’mod iktar effiċjenti. 

Rapporti dwar il-Ministeri

Rapporti dettaljati dwar il-ħidma ta’ kull Ministeru fir-raba’ sena ta’ dan il-Gvern, 2001/2002, jinstabu fuq l-internet fuq www.doi.gov.mt

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

Aktar Stqarrijiet Right arrow