Grupp konsultattiv dwar il-Pjan għal Żvilupp Rurali
Il-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd Ninu Zammit qal il-lejla li hu l-ħsieb tal-Gvern li jinvolvi b’mod attiv lil dawk konnessi mas-settur tal-biedja u dak rurali, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-proċess tat-tħejjija tal-Pjan għal Żvilupp Rurali għall-gżejjer Maltin. Għal dan l-iskop se jinħatar Grupp Konsultattiv li se jiġbor fih rappreżentanza wiesgħa tal-produtturi, proċessuri u organizzazzjonijiet fil-qasam ta’ l-ambjent u dawk li jistgħu jkunu effettwati bl-iżvilupp rurali.
Il-Ministru Zammit kien qed jitkellem f’laqgħa li saret għall-produtturi tal-ġbejniet membri ta’ l-Assoċjazzjoni Produtturi tal-Ġbejniet.
Il-Ministru għall-Agrikoltura qal li din se tkun l-ewwel darba li se jsir pjan ta’ żvilupp rurali għal pajjiżna u se jkun ikopri perijodu ta’ erba’ snin bejn l-2003 u l-2006. Hu żied li diġà sar ħafna xogħol preliminari u, bl-għajnuna tal-Gvern Ingliż, kienu ingaġġati esperti mill-Università ta’ Cranfield.
Il-Ministru Zammit spjega li dan il-pjan għandu jipprovdi l-bażi li fuqha l-Gvern, l-Unjoni Ewropea u s-settur privat jintegraw ir-riżorsi tagħhom biex isir l-investiment meħtieġ għar-ristrutturar tal-biedja f’pajjiżna u setturi oħra rurali li jiddependu fuq l-immanġġjar effettiv tar-riżorsi ta’ l-art. Dan l-investiment u r-ristrutturar għandhom jgħinu biex il-biedja f’Malta tkun aktar sostenibbli.
Hu fakkar li l-Kummissjoni Ewropea qed tirrakkomanda li żżid il-fondi tagħha għal żvilupp rurali u din il-miżura tista’ tkun ta’ benefiċċju akbar għal Malta peress li l-fondi għal żvilupp rurali jaffettwana aktar minn dawk li jingħataw direttament għall-produzzjoni.
Il-Ministru Zammit tkellem ukoll dwar il-produzzjoni tal-ġbejniet f’pajjiżna u qal li minkejja li naqsu dawk li jrabbu n-nagħaġ u l-mogħoż, in-numru ta’ dawn l-annimali qed jerġa’ jiżdied u bħalissa fil-gżejjer Maltin hawn madwar 12,000 nagħġa u 5,000 mogħża. Fl-istess waqt qed tiżdied b’rata tajba wkoll il-produzzjoni tal-ġbejniet, naturalment għaliex qed tiżdied ukoll id-domanda għalihom.
Hu żied li l-produzzjoni tal-ġbejniet f’pajjiżna hi tradizzjoni li tingħata inkoraġġiment sħiħ min-naħa ta’ l-Unjoni Ewropea peress li tifforma parti wkoll mill-iżvilupp rurali. L-UE anki tara li n-nagħaġ u l-mogħoż jiffurmaw parti mill-kwota nazzjonali tal-ħalib.
Ninu Zammit qal li l-produtturi qed jifhmu l-ħtieġa li jtejbu l-kwalità kif ukoll il-preżentazzjoni tant li llum il-bejgħ tal-ġbejniet qed isir b’mod aktar professjonali billi anki qed ikunu ippakkjati u qed ikollhom tikketti maħruġa mid-Dipartiment tal-Biedja. Barra minn hekk, ħafna mill-produtturi qed jippasturizzaw il-ħalib li jużaw fil-produzzjoni tal-ġbejniet. Dan minkejja li nqered il-mard li kien hawn fil-merħliet.
Hu semma wkoll l-esperimenti li qed isiru fl-Għammieri kemm dwar il-kwalità tan-nagħaġ kif ukoll dwar l-għalf li għandhom jingħataw biex b’hekk ikun hawn merħliet li huma aktar f’saħħithom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN