Left arrow Mur Lura

Stedina biex Kunsilli Lokali Għawdxin jaraw kif jitħaddem Waste Transfer Station

PR1535
Date Icon 04/11/2002

F’Għawdex, saret preżentazzjoni u diskussjoni dwar it-twaqqif ta’ Waste Transfer Station, il-post fejn se jinġabar l-iskart li jkun iġġenerat f’Għawdex qabel ma jintbgħat Malta f’containers issiġillati. 

Il-preżentazzjoni saret mill-Inginier Chris Ciantar minn Proġett Skart filwaqt li l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech u l-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono tkellmu dwar il-proġett. 

Il-Ministru Giovanna Debono qalet li l-miżbla tal-Qortin kienet se tingħalaq. Hi qalet ukoll li din il-laqgħa qed issir biex kulħadd jifhem x’inhu dan il-kunċett ġdid li f’Malta bħalu qatt ma kien hawn, u li allura kien ġustifikat li r-residenti ta’ Għajnsielem ikollhom dubbji. Hi rringrazzjat lill-poplu ta’ Għajnsielem li kien qed jieħu dan l-interess f’dan il-proġett u stednitu biex ikompli jgħin fis-soluzzjoni ta’ din il-problema.  Hi żiedet li l-lokalità Tal-Brieghen mhix se tkun ikkunsidrata iżjed u li se jsir l-Environmental Impact Assessment ta’ l-area magħrufa  bħala Tal-Kus. 

Il-Ministru Francis Zammit Dimech ikkonferma li kienet qed tkun ikkunsidrata l-lokalità Tal-Kus.  Hu tenna li l-Project Description Statement u l-Environmental Impact Assessment kienu qed isiru kif suppost u li kien kburi bil-proċess ta’ konsultazzjoni li kien qed iseħħ.  Francis Zammit Dimech spjega għaliex se jitwaqqaf il-Waste Transfer Station u ta rendikont tal-proċess ta’ kif l-iskart jitwassal min wara bieb il-mara tad-dar sat-Transfer Station u l-landfill f’Malta.   

Hu qal li l-Gvern hu marbut li sa’ l-aħħar tas-sena 2004 jagħlaq il-miżbla tal-Qortin u l-miżbla tal-Magħtab.  Hu żied jgħid li l-iskart mill-industrija tal-bini se jintuża biex jintlew il-barrieri li se jkunu riabilitati biex jingħataw użu. Hu spjega wkoll kif materjal bħal karta, kartun, landa u ħġieġ se jkunu riċiklati filwaqt li skart domestiku se jinħadem f’kompost fl-Impjant ta’ Sant’Antnin f’Malta.  Hu qal li dak li jibqa’, li hu parti żgħira ta’ l-iskart kollu ġġenerat, se jmur f’engineered landfill.

Francis Zammit Dimech wara tkellem dwar il-mod kif l-iskart se jinġarr minn Għawdex għal Malta f’kontenituri ssiġillati u qal li dan kien jirrikjedi t-twaqqif ta’ Transfer Station li hu maħsub li jsir f’Tal-Kus fejn hemm barriera b’diversi dislivelli u għalhekk ma tidhirx. Din kienet l-aħjar għażla. 

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura spjega wkoll l-iskopijiet ta’ Proġett Skart li jorbtu l-proċess kollu ta’ l-iskart li jitlaq mid-dar sakemm jasal fl-engineered landfill.  L-Inginier Chris Ciantar wara spjega kif se jkun il-Waste Transfer Station u għaliex ma kienx se joħloq inkonvenjenzi għar-residenti ta’ Għajnsielem.   

Wara li saru diversi interventi mir-residenti ta’ Għajnsielem dwar it-Transfer Station propost il-Ministru Francis Zammit Dimech spjega li l-Waste Transfer Station mhix miżbla iżda post li se jkun riabilitat u filwaqt li llum il-post ma tistax tgħaddi minnhu, bil-bini tat-Transfer Station se jsir aċċessibbli. 

Francis Zammit Dimech stieden lir-residenti tal-post biex imorru jaraw il-post Tal-Kus u qal li l-pjanti qegħdin esebiti fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali f’Għajnsielem.   

Il-Ministru Francis Zammit Dimech għamel ukoll stedina biex il-Kunsilli Lokali ta’ Għajnsielem u x-Xewkija jaghżlu  delegazzjoni li tkun lesta issiefer  biex tara b’għajnejha kif jitmexxa Waste Transfer Station. Il-Ministru Zammit Dimech osserva li permezz tal-Waste Transfer Station il-Gvern qed ikompli juri l-impenn tiegħu favur li f’Għawdex jimxi bl-aktar mod ambjentalment nadif kif qed jagħmel f’Malta u li fil-każ ta’ Għawdex ikun ifisser li mhux biss tingħalaq il-miżbla Tal-Qortin imma wkoll li ma ssir ebda miżbla oħra f’ebda parti t’Għawdex u li l-iskart minn Għawdex, ħlief għas-settur tal-bini, ikun trasferit lejn Malta f’kontenituri issiġillati u bl-aktar mod ambjentalment nadif.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

Aktar Stqarrijiet Right arrow