"Minn Għandna Għalikom" - Attivitajiet fl-Iskola Primarja "A" ta' B'Kara
"Is-Sħubija bejn l-iskola u l-ġenituri hi essenzjali biex l-iskejjel tagħna jimxu l-quddiem u jwettqu r-riformi meħtieġa għat-twettieq tal-Kurrikulu Nazzjonali". Dan qalu l-Ministru ta' l-Edukazzjoni, l-Onor. Dr. Louis Galea meta żar l-iskola Primarja 'A' ta' B'Kara għall-ewwel 'Open Day' ta' din l-iskola; fejn l-istudenti u l-għalliema jistiednu lill-ġenituri biex iżuru l-iskola u jaraw x'qed jsir fl-iskola u x'qed jitgħallmu.
L-attivitajiet fl-iskola ta' B'Kara kienu jinkludu "Fun Run" madwar l-iskola, wirja fil-bitħa ta' l-iskola li kienet tinvolvi drama, danza, mużika u korjografija, sessjonijiet għall-ġenituri biex jifhmu aktar dwar is-suġġett tal- Personal and Social Development PSD, kif ukoll opportunita' biex il-ġenituri iduru ma' l-iskola u jaraw il-klassijiet u r-riżorsi li għandha l-iskola.
Il-Ministru Louis Galea tkellem ma' l-għalliema u l-ġenituri ta' l-iskola ta' B'Kara dwar l-importanza li l-iskola tkun miftuħa għall-ġenituri u li l-ġenituri jifhmu lill-iskola u l-għalliema. B'dan il-mod filwaqt li l-ġenituri ikunu jafu x'qed jiġri fl-iskola, l-għalliema jkunu jistgħu iwettqu l-programm edukattiv tagħhom bil-ħsieb li dak li jkunu qed jibnu fl-iskola ikompli jissaħħaħ id-dar.
Il-Ministru qal li l-ġenituri tat-tfal li jattendu din l-iskola se jaraw skola li dan is-sajf sar fiha xogħol estensiv ta' immodernizzar. Fl-iskejjel primarji ta' B'Kara sar investiment ta' madwar Lm25,000 mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada (FTS). Hu qal li dan l-investiment sar biex it-tfal imorru l-iskola f'ambjent li jilqagħhom.
Il-Ministru faħħar l-inizjattiva ta' l-iskola biex tinforma lill-ġenituri dwar is-suġġett il-ġdid tal-PSD. Il-Ministru qal li dan is-suġġett hu żvilupp ġdid li għandu jgħin kemm lill-istudenti tas-sekondarji kif ukoll l-iskejjel primarji. Is-suġġett tal-PSD jgħin lill-istudenti biex jiksbu l-għarfien u l-ħiliet biex jgħixu b'kunfidenza u b'mod indipendenti u jieħdu ħsieb saħħithom. Il-Programm maħsub biex jiżviluppa cittadini informati, attivi u responsabbli.
Il-Programm tal-PSD fil-primarji ikopri t-tfal ta' l-eta bejn 5 u 8 snin u jgħinhom biex:
- Jieħdu responsabbilta'
- Iħossuhom pożittivi dwarhom infushom
- Jipparteċipaw aktar
- Jagħmlu għażliet għall-ġid tagħhom infushom
- Jiltaqgħu u jaħdmu ma' nies oħra
- Jiżviluppaw relazzjonijiet tajba
- Jikkunsidraw dilemmi soċjali u morali sempliċi
- Ikunu kapaċi jistaqsu għall-għajnuna
- Ikunu preparati għall-bidla
- Jużaw il-ħsieb - Thinking Skills
Il-Ministru temm jgħid li l-programm tal-PSD hu essenzjali biex l-iżvilupp tat-tfal ikun verament sħiħ.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928