FTEHIM BEJN MICROSOFT U L-GVERN MALTI
Il-Ministeru għal-Ġustizzja u Gvern Lokali u l-Microsoft laħqu ftehim importanti biex jagħmlu minn Malta Hub Reġjonali tal-ICT
Dan il-ftehim intlaħaq bejn il-Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali, għan-nom tal-Gvern Malti, u l-kumpanija Microsoft. Dan il-ftehim intlaħaq wara taħdidiet ta’ erba’ xhur u li ntensfikaw ruħhom din l-aħħar ġimgħa.
In-naħa Maltija kienet mmexxija mill-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali Austin Gatt, filwaqt li d-delegazzjoni tal-Microsoft kienet mmexxija minn Jean Philipe Courtois, il-Viċi President tal-Korporazzjoni.
Il-ftehim li ntlaħaq bejn iż-żewġ naħat huwa wieħed li għandu jkopri perjodu ta’ bejn tlieta u ħames snin, u li għandu jwassal biex Malta tkun Hub tekniku ta’ eċċellenza għar-reġjun tal-Mediterran. Dan jinkludi l-ħolqien f’pajjiżna ta’ Ċentru Teknoloġiku ta’ eċċellenza.
Punti Ewlenin tal-Ftehim
Il-ftehim jista’ jinqasam fi tnejn. Fix-xahrejn li ġejjin ż-żewġ naħat ftehmu li l-Gvern Malti jimpenja ruħu fil-ġlieda kontra l-piraterija tas-software. Flimkien mal-Microsoft ser issir ħidma biex issir kampanja ta’ edukazzjoni fuq l-aspetti negattiv tal-piraterija, filwaqt li l-aġenziji ta’ l-infurzar jingħataw it-taħriġ relevanti għal dan il-għan.
Il-Microsoft ser tipprovdi lill-Gvern 4,000 kopja tal-Microsoft Encarta, il-pakkett edukattiv l-iktar użat madwar id-dinja. Il-Gvern ser jużhom fl-inzjattivi edukattivi tiegħu sabiex tiġi eliminata l-qasma diġitali.
Il-Microsoft impenjat ruħha wkoll biex sa Ġunju li ġej l-Windows XP jkun jinkludi l-Malti bħala lingwa uffiċjali. Fil-fatt Microsoft ser tipprovdi r-riżorsi neċessarji biex dan isir.
Fl-ewwel sitt xhur tas-sena ddieħla mistennija ukoll li tibda tiffunzjona l-Microsoft Regional IT Academy. Din l-akkademja ser tiġi kkordinata mill-Kummissjoni eMalta bħala parti mill-impenn tagħha biex tistabilixxi lil Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza fil-qasam tar-riżorsi umani fil-qasam tal-ICT. L-akkademja għandha l-għan li tħarreġ u tiċċertifika lil Maltin u nies oħra fir-reġjun tal-Mediterran fit-tħaddim u l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-Microsoft. Fil-fatt din l-akkademja ser tkun waħda mill-ftit akkademji li l-Microsoft għandha madwar id-dinja.
Intant intlaħaq ftehim sabiex Malta issir il-Hub Reġjonali ta’ l-Informatika, fejn fost l-oħrajn, b’dan Malta jkollha ċentru reġjonali ta’l-ogħla livell f’dik li hija informatika. Dan iċ-Ċentru ser ikun ibbażat fuq l-fatt li fix-xhur li ġejjin nassistu għal-ħolqien ta’ sinerġija bejn il-Gvern u l-Microsoft. Microsoft ser jikkontribwixxu f’dan il-proġett l-Intellectual Property, taħriġ u tagħlim, żvilupp ta’ teknoloġiji ta’ l-ogħla livell, swieq ġodda, u support tekniku.
Dan iċ-Ċentru jista’ jitqies bħala opportunità għal riċerka u żvilupp għas-settur privat lokali. Dan iċ-ċentru ser ikun qed iservi wkoll ta’ bażi; biex l-industrija lokali jkollha aċċess għall-aħħar teknoloġiji tal-Microsoft, biex b’hekk jkunu jistgħu jinbnew applikazzjonijiet u programmi fuq il-qafas ta’ l-applikazzjonijiet tal-Microsoft. Iċ-ċentru għandu jattira kumpaniji kbar oħra fil-qasam tal-ICT fir-reġjun sabiex ir-relevanza reġjonali ta’ dan iċ-ċentru u ta’ Malta tissaħħaħ.
Sadanittant kien hemm ukoll qbil li l-Microsoft u l-Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali jaħdmu flimkien biex jaraw kif l-użu tat-teknoloġiji Microsoft jistgħa jgħin fl-iżvilupp tal-eGovernment f’Malta.
Il-Ministru Gatt fisser dan il-ftehim bħala opportunità kbira għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema Maltin biex jingħataw l-aħjar taħriġ possibbli fil-qasam tal-ICT. Dr. Gatt fisser li dan il-ftehim ser jiftaħ beraħ il-bibien biex f’Malta jkollna opportunitajiet reali ta’ l-ogħla kwalità. Iktar minn hekk, kompla l-Ministru Gatt dan hu ftehim, li fih Malta tisfrutta l-vantaġġi kollha tagħha biex issaħħaħ r-relevanza tagħħa f’dan ir-reġjun.
Jean Philippe Courtois qal li fix-xhur li għaddew Microsoft Corporation għamlu analiżi tas-sitwazzjoni fl-għaxar pajjiżi kandidati għal sħubija, u baqghu impressjonati bl-inizjattiva tal-Gvern Malti biex il-qasam tal-ICT jiżviluppa. Jean Philippe Courtois qal l-Microsoft tagħraf li Malta hija fuq quddiem f’dan il-qasam, u tapprezza l-fatt li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jżomm postu fuq quddiem f’dan ir-rigward.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928