IL-MINISTRU TA’ L-EDUKAZZJONI JINAWGURA WIRJA TA’ XOGĦLIJIET DWAR IL-KARNIVAL MIT-TFAL TA’ SKEJJEL DIFFERENTI
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea, fetaħ wirja ta' xogħlijiet mit-tfal minn skejjel differenti ta' l-iStat tal-Knisja u Indipendenti. L-esibizzjoni qed tintwera fiċ-Ċentru għall-Kreattività fil-Kavallier ta' San Ġakbu bejn il-Ġimgħa, 8 ta' Frar u t-Tlieta, 12 ta' Frar 2002.
Ix-xogħlijiet li hemm għall-wiri, inġabru wara li saret kompetizzjoni għal pitturi, collages, u maskri grotteski fost l-iskejjel kollha ta' Malta u Għawdex. Total ta' 733 student minn 54 skola pparteċipaw f'din il-kompetizzjoni. L-parti l-kbira kienu minn skejjel ta' l-iStat, iżda kien hemm ukoll żewġt iskejjel tal-Knisja u tnejn Indipendenti li pparteċipaw.
Ix-xogħlijiet jinvolvu l-aktar tpinġijiet u pitturi iżda, għalkemm ma kienx hemm minn għamel collages, kien hemm madwar 50 student li għamlu maskri grotteski għal din il-kompetizzjoni. F'din il-wirja qed ikunu esibiti l-aħjar xogħlijiet u huma maqsumin f'żewġ kategoriji. Kategorija A tinkludi x-xogħlijiet tat-tfal mill-ewwel sas-sitt sena tal-livell Primarju. F'din il-Kategorija t-tfal użaw crayons, lapsijiet, water jew poster colours. Fil-Kategorija B insibu xogħlijiet tat-tfal li jattendu skejjel fil-livell sekondarju, hawnhekk intużaw water colours, poster colours, oil pastels, oil sticks, airbrush u charcoal.
Il-wirja u l-kompetizzjoni huma sposorizzati mill-Youth Services Organisation (YSO) tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, mill-Kummissjoni Nazzjonali Folklore u mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni.
Waqt il-ftuħ ta' din il-wirja, il-Ministru Louis Galea qal li qed naraw żviluppi pożittivi fil-mod kif qed ikun organizzat il-Karnival. Hu qal li hu importanti ferm li t-tfal jingħataw l-opportunità jesprimu lilhom infushom b'mod kreattiv u mingħajr xkiel jew limitazzjonijiet għall-fantasija u l-immaġinazzjoni. Il-Ministru semma ukoll li din is-sena l-istudenti ta' l-Università se jkollhom il-karru trionfali tagħhom b'rappreżentazzjoni satirika tar-Rettur ta' l-Università, il-Professur Roger Ellul Micallef. Il-parteċipazzjoni ta' l-istudenti ta' l-Universita' fil-Karnival, u l-introduzzjoni tas-satira huma ukoll passi pożittivi għall-iżvilupp tal-kultura Maltija.
Il-Ministru tenna li permezz tal-Kummissjoni Nazzjonali Folklore, il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni qed jaħdem biex iferrex fost il-bliet u l-irħula Maltin u Għawdxin it-tradizzjoni ta' parteċipazzjoni fil-Karnival. Dan qed isir b'modi differenti, fosthom il-festa' ta' marċi brijużi li ser issir fil-Ħamrun u l-Karnival għaż-Żgħażagħ li ser isir f'Paceville. Qed tingħata ukoll għajnuna finanzjarja lill-dawk il-kunsilli lokali li jorganiżżaw attivitajiet tal-Karnival. Il-Karnival jiġi għal kulħadd u għalhekk saret ukoll serata karnivaleska għall-persuni b'diżabilità. Fl-aħħarnett nhar s-Sibt li ġej ser isir programm għat-tfal fi Pjazza Ħelsien biex it-tfal ikollhom l-opportunità jidħlu f'renju maġiku mimli briju u kulur.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN