GVERN 1998-2003 - ‘AMBJENT U KAMPANJA’
Gvern li Jgħożż Art Twelidna
“Pajjiżna hu mogħni mhux biss b’ħafna attrazzjonijiet naturali, bħalma huma l-baħar, ix-xtut u l-kampanja, iżda wkoll bi pjazez, triqat u bliet storiċi. Dan il-Gvern ħa passi konkreti u bil-għaqal biex dan kollu jkompli jitgawda mill-ġenerazzjonijiet ta’ Maltin fil-ġejjieni. Fuq kollox, il-Gvern se jħares l-ambjent naturali tagħna għax dan isostni numru t’attivitajiet bħalma huma l-biedja u s-sajd, li huma parti integrali mill-ħajja Maltija."
Dan intqal mill-Viċi Prim Ministru Lawrence Gonzi, waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li fiha ta ħarsa lejn il-ħidma li wettaq il-Gvern biex iħares l-ambjent u l-kampanja. Fil-konferenza ta’ l-aħbarijiet tkellmu wkoll il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech, il-Ministru għall-Agrikultura u Sajd Ninu Zammit u s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ta’ l-Intern u l-Ambjent George Pullicino.
Użu Aħjar tar-Riżorsi Tagħna
Il-Gvern qed jiżgura li r-riżorsi kollha tagħna jintużaw sew, fl-interess ta’ kulħadd kemm fil-preżent kif wkoll fil-futur. Twaqqfet l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi bħala r-regolatur awtonomu li se tieħu ħsieb attivitajiet li b’xi mod jew ieħor, jinvolvu riżorsi bħalma huma l-enerġija, l-ilma u l-ġebla Maltija.
Aktar Indafa
Diġà seħħ titjib konsiderevoli fl-indafa fil-gżejjer Maltin, u biex inkomplu nagħmlu progress, tħejjew pjani serji mifruxa fuq medda ta’ snin dwar l-iskart kollu li jinħoloq. Bis-saħħa ta’ strateġija għall-immaniġġjar ta’ skart solidu, sas-sena 2004, il-Magħtab kif nafuh illum ser jingħalaq. Din l-istrateġija għall-immaniġġjar ta’ skart solidu tkopri 56 miżuri - li ħdax minnhom diġà twettqu skond il-miri ppjanati. Il-bqija tal-miżuri huma f’diversi stadji ta’ implimentazzjoni.
Biex l-arja madwarna tkun aktar nadifa u bla periklu, l-Enemalta bdiet timporta petrol b’62 % anqas ċomb u diesel b 60% inqas kubrit minn dak li kien ikun impurtat qabel. Biex in-nies ikollhom inċentiv ħalli jużaw sorsi alternattivi ta’ enerġija, il-Gvern naqqas il-VAT fuq solar heaters b’10 %.
Tlesta sewerage masterplan biex iservi ta’ gwida għall-iżvilupp ta’ l-infrastruttura meħtieġa biex inkunu f’qagħda li nibnu l-impjanti għar-riċiklaġġ tad-drenaġġ. Saret ukoll estensjoni u manutenzjoni tas-sistema eżistenti tad-drenaġġ. L-iskop hu li ma jkunx hemm tniġġiz mid-drenaġġ fl-art u biex ikollna baħar iżjed nadif madwar il-gżejjer Maltin.
Ambjent aktar protett u mħares sew
L-ambjent jaffettwana lkoll. Biex inkunu nistgħu ngawdu ambjent aktar nadif u iżjed attraenti, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qegħda tieħu azzjoni aktar koordinata u effettiva. Din l-Awtorità issa taqdi anki responsabbiltajiet ambjentali minbarra dawk ta’ ippjanar – u qegħda tieħu azzjoni konkreta kontra ksur ta’ liġi u abbużi kull meta din l-azzjoni tkun ġustifikata. F'erba’ snin, tneħħew ’il fuq minn 350 struttura u 24 scrapyard illegali kif ukoll eluf ta’ tunnellati ta’ terrapien mitfuħ illegalment f diversi żoni tal-kampanja.
Saret reviżjoni tal-liġijiet rilevanti biex ikun żgurat li applikazzjonijiet għal żvilupp mhux kontroversjali jkunu proċessati fi żmien raġjonevoli. Dan wassal għal record ta’ l-inqas numru ta’ applikazzjonijiet pendenti (2382 f Settembru) minn meta twaqqfet l-Awtorità ta’ l-Ippjanar (illum MEPA) għaxar snin ilu. Il-pubbliku qed jingħata iżjed aċċess għall-informazzjoni u għad-deċiżjonijiet li tkun ħadet il-MEPA.
Tkabbar u ssebbaħ il-Park Nazzjonali f’Ta’Qali. Kemm f’Pembroke kif wkoll fil-Mellieħa saru proġetti ġodda ta’ tħawwil ta’ siġar u ħolqien ta’ msaġar. Ittieħdu diversi inizjattivi oħra. Qed jinġabru eluf ta’ tankijiet qodma mill-ħitan tas-sejjieħ, tnaddfu kanali ta’ l-ilma, ġew imsebbħa centre-strips u roundabouts, kif ukoll tneħħew mijiet ta' tunnellati ta' skart mill-kampanja.
Flimkien ma’ sponsors u għaddasa voluntiera, saru diversi operazzjonijiet biex jitnaddaf qiegħ il-baħar f’diversi naħiet waqt li se jitlestew għadd ta’ pajsaġġi fil-kampanja (countryside walks) biex familji Maltin ikunu jistgħu japprezzaw l-ambjent naturali ta’ dawn il-Gżejjer.
Biedja u Sajd Vijabbli
Kull min hu nvolut f’dawn is-setturi jaf li l-Gvern qiegħed jistudja kif il-biedja u sajd – parti integrali mill-ħajja Maltija – jista’ jkollhom futur aħjar u aktar vijabbli. Dan jirrikjedi titjib fil-kwalità tal-prodotti agrikoli u tas-sajd, waqt li nħarsu b’mod xieraq ir-riżorsi tal-kampanja u tal-baħar tagħna.
Il-bdiewa u s-sajjieda flimkien mal-kooperattivi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom qegħdin jibbenefikaw kemm minn għajnuna finanzjarja permezz ta’ programm ta’ sussidji li qed jitwettaq kif ukoll minn għajnuna teknika.
Il-Gvern ħejja pakkett ta’ għajnuna li jammonta għal Lm70 miljun għall-bdiewa u r-raħħala, li diġà bdew jirċievu minn din l-għajnuna. Tħejja pakkett ieħor ta’ Lm2.4 miljun għas-sajjieda biex isaħħu l-operat tagħhom. Dan apparti l-eluf ta’ liri li baqgħu jingħataw kull sena l-bdiewa u s-sajjieda, il-ħlas lura ta’ nofs il-kontribuzzjonijiet tal-bolla, l-eżenzjoni mill-ħlas tad-dazju fuq id-diesel għas-sajjieda fejn dawn qed jiffrankaw mal-Lm115,000 fis-sena, u l-issussidjar mill-Gvern ta’ l-interessi kollha fuq self sa Lm12,000 li jistgħu jagħmlu l-bdiewa u s-sajjieda biex itejbu u jirristrutturaw l-operat tagħhom.
Il-bdiewa u s-sajjieda issa għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom aktar toroq rurali u slipways rispettivament. Biżżejjed wieħed isemmi li f’dawn l-aħħar erba’ snin tranġaw jew saru 72 triq li jagħtu għar-raba’ b’investiment ta’ madwar Lm84,000. Minbarra li komplew isiru manutenzjoni u xogħlijiet oħra fuq slipways użati mis-sajjieda, tbiddlu madwar 150 irmiġġ minn ħadid għal materjal li jiflaħ aktar l-ilma baħar.
Fuq kollox biex ikun żgurat li l-biedja tibqa’ ħajja u tkun sostenibbli sar l-ewwel Pjan ta’ Żvilupp Rurali għall-Gżejjer Maltin li għandu jwassal għat-tisħiħ tas-settur agrikolu f’pajjiżna u għal investiment qawwi li bħalu dan is-settur qatt għadu ma ra.
Tisbiħ fil-bliet u rħula
Tlestew proġetti estensivi ta’ tisbiħ ta’ promenades f’tas-Sliema u San Ġiljan, Birżebbuġa u Marsaskala waqt li dawk li joqogħdu f’postijiet bħal Bajja ta’ San Tumas, il-Floriana u l-Mellieħa wkoll raw titjib fil-lokalità rispettiva tagħhom. Proġetti oħra ta’ tisbiħ qed jitwettqu f’ San Pawl il-Baħar, ix-Xemxija u Ħaż-Żabbar. Proġetti bħal dawn igawdi minnhom kulħadd. F’ dawn l-aħħar erba’ snin, dawn il-proġetti involvew investiment ta’ Lm4 miljun. Xogħol bħal dan ikompli jibni fuq xogħol siewi li qed iwettqu l-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex.
L-Ibliet Storiċi
Dan il-Gvern ħa ħsieb tajjeb tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna ħalli b’hekk ikompli jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri ta’ Maltin. Qed isiru proġetti ta’ riabilitazzjoni fl-Imdina, il-Belt Valletta u l-Kottonera. Permezz tal-Unit tar-Restawr, twettqu 70 proġett ta’ restawr filwaqt li hemm 30 proġett ieħor li qed jitwettaq u 20 proġetti oħra f’ diversi stadji ta’ ippjanar. Għall-proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni, ġew investiti aktar minn Lm8 miljun.
“Madwar id-dinja kollha, kulħadd qiegħed jagħti kas akbar ta’ l-ambjent u r-riżorsi naturali għax kulħadd induna li – mingħajr ambjent naturali nadif, bla periklu u vijabbli – ma jistax ikun hemm kwalità ta’ ħajja tajba għall-familja. Il-Gvern ħadem ħafna biex l-ambjent naturali u storiku tagħna, il-bliet u l-irħula jitħarsu għall-futur," temm il-Viċi Prim Ministru.
Rapporti dwar il-Ministeri
Rapporti dettaljati dwar il-ħidma ta’ kull Ministeru fir-raba’ sena ta’ dan il-Gvern, 2001/2002, jinsabu fuq l-internet fuq www.doi.gov.mt
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928