Left arrow Mur Lura

L-ARTI MALTIJA L-AQWA REKLAM GĦAL PAJJIŻNA

PR1487
Date Icon 25/10/2002

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech inawgura wirja ta’ l-arti mtella’ minn George Apap fiċ-Ċentru għall-Kreattivita’ fil-belt Valletta. Hu qal li din il-wirja qed tittella’ f’post li sa ftit tas-snin ilu kien żdingat u mitluq u li kienet qed issirlu ħafna ħsara. Hu fakkar li kien dan il-Gvern li ddeċieda li jirrestawra u jirriabilita l-Kavallier ta’ San Ġwann biex jintuza għal skopijiet kulturali.

Francis Zammit Dimech qal li bejn l-1998 u l-2000 saret ħidma kbira biex dan il-bini kien restawrat minn ġewwa u minn barra. Qal li b’investiment ta’ Lm4.5 miljun, bini li l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann għamlet biex tiddefendi l-belt kapitali tal-pajjiż minn attakki tal-għadu nbidel minn strument tal-gwerra għal strument ta’ paċi.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li minn mindu fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku dan iċ-Ċentru laqa’ aktar minn 200,000 persuna li madwar 20 fil-mija minnhom kienu turisti. Hu qal li numru sostanzjali minn dawk li żaru ċ-ċentru kienu fi gruppi organizzati, partikolarment minn Kunsilli Lokali jew skejjel. F’dan il-perijodu saru madwar 150 attivita’ li kienu jinkludu wirjiet ta’ kull tip, festivals, produzzjonijiet, wiri ta’ films minn diversi pajjiżi, kunċerti ta’ mużika, jazz u baned, attivitajiet kulturali u letterarji. Dan kollu juri li l-iskop li għalih twaqqaf dan iċ-Ċentru qed jintlaħaq.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li llum hu magħruf li l-aħjar mezz biex bini storiku jkun konservat hu li wara li tirrestawraħ tagħtih użu. Qal li fil-belt Valletta dan hu proċess kontinwu. Hu fakkar kif s-Sagra Infermeria wara ħidma qawwija ta’ restawr, u b’investiment ta’ miljuni ta’ liri, inbidlet f’ċentru ta’ konferenzi. Fakkar li parti mill-Fortizza ta’ Sant’Iermu kienet restawrata u llum hemm fiha l-Akkademja tal-Pulizija. Diversi palazzi u djar fil-belt ġew restawrati biex qed isir użu minnhom għal ħtiġiet tal-lum.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern preżenti qed jifrex il-kunċett ta’ restawr u użu biex ikopri proġetti kapitali li qed jitwettqu mill-privat. Hu qal li f’dawn l-aħħar erba’ snin il-Gvern wasal fi ftehim ma’ erba’ konsorzji differenti dwar tliet proġetti ewlenin fejn għandhom kundizzjoni li jridu jirrestawraw bini storiku.

Francis Zammit Dimech qal li

  • L-Port Cottonera Consortium u l-Cottonera Waterfront Group intrabtu li jirrestawraw bini storiku nkluż fil-proġett tal-Cottonera. Hu qal li s’issa diġa kien restawrat il-Palazz tal-Kaptan Ġenerali tax-Xwieni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann li b’investiment ta’ qrib il-Lm5 miljun inbidel fil-Casinò di Venezia. Qal li bħala parti mill-istess proġett kienet irrestawrata l-faċċata tal-Caraffa Stores filwaqt li tnaddfu l-ħnejjiet qodma ta-ħabs, Seagate Vaults u l-imħażen ta’ taħt Sant’Anġlu.
  • Il-konsorzju MIDI qed iwettaq xogħol ta’ restawr, li mistenni jiswa Lm5 miljun, sew f’Manoel Island kif ukoll fil-Ponta ta’ Tigne. Bħalissa qed isir xogħol ta’ restawr tal-Fortizza Manoel bil-bini li hemm fuqha filwaqt li tlesta r-restawr tal-kappella ta’ San Luqa f’Tigne.
  • Il-konsorzju VISET se jirrestawra l-Imħażen ta’ Pinto u Forni u l-Power Station il-Qadima li se jiffurmaw parti ewlenija mill-proġett għall-Cruise Liner Passenger Terminal.

Francis Zammit Dimech qal li kieku dan il-bini storiku ma’ ngħatax użu kontemporanju kieku kien jispiċċa jaqa’ u jintilef darba għal dejjem. F’dan is-sens is-sħubija mas-settur privat hi mezz importanti kif inħarsu l-istorja ta’ pajjiżna.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-arti Maltija hi l-aqwa reklam għal pajjiżna u li kien għalhekk li l-Gvern kien jinkoraġġixxi b’kull mod l-arti f’Malta. Francis Zammit Dimech irringrazzja lill-artisti kollha għas-sehem tagħhom biex jikber l-interess f’dak kollu li hu Malti u li jagħżilna minn kull nazzjon ieħor.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

Aktar Stqarrijiet Right arrow