L-ARTI MALTIJA L-AQWA REKLAM GĦAL PAJJIŻNA
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech inawgura wirja ta’ l-arti mtella’ minn George Apap fiċ-Ċentru għall-Kreattivita’ fil-belt Valletta. Hu qal li din il-wirja qed tittella’ f’post li sa ftit tas-snin ilu kien żdingat u mitluq u li kienet qed issirlu ħafna ħsara. Hu fakkar li kien dan il-Gvern li ddeċieda li jirrestawra u jirriabilita l-Kavallier ta’ San Ġwann biex jintuza għal skopijiet kulturali.
Francis Zammit Dimech qal li bejn l-1998 u l-2000 saret ħidma kbira biex dan il-bini kien restawrat minn ġewwa u minn barra. Qal li b’investiment ta’ Lm4.5 miljun, bini li l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann għamlet biex tiddefendi l-belt kapitali tal-pajjiż minn attakki tal-għadu nbidel minn strument tal-gwerra għal strument ta’ paċi.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li minn mindu fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku dan iċ-Ċentru laqa’ aktar minn 200,000 persuna li madwar 20 fil-mija minnhom kienu turisti. Hu qal li numru sostanzjali minn dawk li żaru ċ-ċentru kienu fi gruppi organizzati, partikolarment minn Kunsilli Lokali jew skejjel. F’dan il-perijodu saru madwar 150 attivita’ li kienu jinkludu wirjiet ta’ kull tip, festivals, produzzjonijiet, wiri ta’ films minn diversi pajjiżi, kunċerti ta’ mużika, jazz u baned, attivitajiet kulturali u letterarji. Dan kollu juri li l-iskop li għalih twaqqaf dan iċ-Ċentru qed jintlaħaq.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li llum hu magħruf li l-aħjar mezz biex bini storiku jkun konservat hu li wara li tirrestawraħ tagħtih użu. Qal li fil-belt Valletta dan hu proċess kontinwu. Hu fakkar kif s-Sagra Infermeria wara ħidma qawwija ta’ restawr, u b’investiment ta’ miljuni ta’ liri, inbidlet f’ċentru ta’ konferenzi. Fakkar li parti mill-Fortizza ta’ Sant’Iermu kienet restawrata u llum hemm fiha l-Akkademja tal-Pulizija. Diversi palazzi u djar fil-belt ġew restawrati biex qed isir użu minnhom għal ħtiġiet tal-lum.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern preżenti qed jifrex il-kunċett ta’ restawr u użu biex ikopri proġetti kapitali li qed jitwettqu mill-privat. Hu qal li f’dawn l-aħħar erba’ snin il-Gvern wasal fi ftehim ma’ erba’ konsorzji differenti dwar tliet proġetti ewlenin fejn għandhom kundizzjoni li jridu jirrestawraw bini storiku.
Francis Zammit Dimech qal li
- L-Port Cottonera Consortium u l-Cottonera Waterfront Group intrabtu li jirrestawraw bini storiku nkluż fil-proġett tal-Cottonera. Hu qal li s’issa diġa kien restawrat il-Palazz tal-Kaptan Ġenerali tax-Xwieni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann li b’investiment ta’ qrib il-Lm5 miljun inbidel fil-Casinò di Venezia. Qal li bħala parti mill-istess proġett kienet irrestawrata l-faċċata tal-Caraffa Stores filwaqt li tnaddfu l-ħnejjiet qodma ta-ħabs, Seagate Vaults u l-imħażen ta’ taħt Sant’Anġlu.
- Il-konsorzju MIDI qed iwettaq xogħol ta’ restawr, li mistenni jiswa Lm5 miljun, sew f’Manoel Island kif ukoll fil-Ponta ta’ Tigne. Bħalissa qed isir xogħol ta’ restawr tal-Fortizza Manoel bil-bini li hemm fuqha filwaqt li tlesta r-restawr tal-kappella ta’ San Luqa f’Tigne.
- Il-konsorzju VISET se jirrestawra l-Imħażen ta’ Pinto u Forni u l-Power Station il-Qadima li se jiffurmaw parti ewlenija mill-proġett għall-Cruise Liner Passenger Terminal.
Francis Zammit Dimech qal li kieku dan il-bini storiku ma’ ngħatax użu kontemporanju kieku kien jispiċċa jaqa’ u jintilef darba għal dejjem. F’dan is-sens is-sħubija mas-settur privat hi mezz importanti kif inħarsu l-istorja ta’ pajjiżna.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-arti Maltija hi l-aqwa reklam għal pajjiżna u li kien għalhekk li l-Gvern kien jinkoraġġixxi b’kull mod l-arti f’Malta. Francis Zammit Dimech irringrazzja lill-artisti kollha għas-sehem tagħhom biex jikber l-interess f’dak kollu li hu Malti u li jagħżilna minn kull nazzjon ieħor.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928