Left arrow Go Back

MILJUN STUDENT FIL-PROGRAMM ERASMUS TA' L-UE

PR1481
Date Icon 25/10/2002

"Kulħadd għandu jieħu pjaċir jara l-istudenti ta' llum jingħataw bil-wisq aktar opportunitajiet ta' tagħlim kemm f'pajjiżna kif ukoll barra minn Malta. Sa ftit żmien ilu, qabel Malta bdiet tipparteċipa fil-programmi ta' l-UE, l-opportunitajiet ta' studju barra minn Malta kienu limitati għal dawk li kellhom il-flus u dawk il-ftit studenti li kien jirnexxielhom jieħdu borża ta' studju (scholarship). Illum mill-Università biss jibbenefikaw mat-300 student kull sena." Dan qalu l-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea waqt attività fl-Università fl-okkażjoni tal-miljun student li pparteċipa fil-programm Erasmus. Waqt din l-attività kien hemm preżenti l-ambaxxatur għad-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea Ronald Gallimore, kif ukoll ambaxxaturi ta' pajjiżi li jipparteċipaw fil-programm Erasmus.

Fil-1987 meta beda l-programm Erasmus kienu jipparteċipaw mat-3000 student minn ħdax-il pajjiż. Illum bil-parteċipazzjoni tat-18-il pajjiż membru u l-pajjiżi li mixjin lejn sħubija (30 pajjiż b'kollox) qed jiġu skambjati mal-110,000 student fis-sena. Il-programm Erasmus jikkonċentra fuq is-settur ta' l-Università u Edukazzjoni post-sekondarja. Il-programm Erasmus hu parti mill-programm Socrates li jkopri d-diversi oqsma ta' l-edukazzjoni mill-livell Primarju sa l-Università kemm għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema u l-lecturers.

Il-Ministru Louis Galea qal li l-programmi edukattivi ta' l-UE huma storja ta' suċċess bħalma hi storja ta' suċess l-istess Unjoni. Il-Ministru qal li bit-tkabbir li jmiss l-Ewropa se tikber b'mod sostanzjali u għalkemm ħafna huma dawk li jaħsbu li huma biss l-pajjiżi li se jissieħbu li se jiggwadanjaw mit-tkabbir, il-pajjiżi membri se jkunu qed jibbenefikaw ukoll. "It-tkabbir ta' l-Unjoni se jwassal biex kulħadd jiggwadanja b'xi mod jew ieħor" qal il-Ministru Galea.

Louis Galea qal li l-Programm Erasmus hu maħsub biex jgħin fil-bini ta' Ewropa bbażata fuq it-tagħlim, it-taħriġ u l-akkwist ta' l-għerf u biex l-Ewropa tkun tista’ tilqa’ għall-isfidi ta' dan is-seklu. Fost dawn l-isfidi hemm li nippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja, li kulħadd ikollu aċċess għall-edukazzjoni u li ngħinu lill-kulħadd jikseb snajja’ u kwalifiki rikonoxxuti. Il-Ministru qal li f'pajjiżna diġà mexjin fid-direzzjoni t-tajba biex nilħqu dawn il-miri, madankollu għad hemm ħafna xi jsir u x'intejbu. Il-Ministru tenna li l-programmi jħeġġu b'mod partikolari l-mobilità u l-innovazzjoni. Il-Mobilità tgħin biex iċ-ċittadini tal-pajjiżi Ewropej iħossuhom dejjem aktar ċittadini ta' u parti mill-Unjoni Ewropea. L-innovazzjoni b'mod partikolari għall-istudenti hi ingredjent essenzjali biex nibqu relevanti fl-ekonomija ta' llum u ta' għada.

Il-Ministru qal li l-esperjenza ta' Malta s'issa fil-programmi edukattivi ta' l-UE hi waħda ta' mudell għall-isħubija eventwali ta' Malta fl-UE. Il-Ministru qal li fil-bidu Malta kellha biss parteċipazzjoni passiva fil-programmi edkattivi iżda illum pajjiżna qed jieħu sehem b'mod aktar proattiv biex jisfrutta sal-massimu l-parteċipazzjoni tiegħu. Direttament u indirettament il-Maltin qed jibbenefikaw minn mijiet ta' eluf ta' liri permezz ta dawn il-programmi. Il-Ministru qal li f'dawn il-programmi Malta illum qed tipproponi, tirbaħ u tmexxi il-programmi tagħha flimkien ma' pajjiżi oħra. Hekk ukoll Malta trid tieħu posta fl-UE bħala pajjiż proattiv, pajjiż li jimmassimizza l-opportunitajiet ta' żvilupp li tagħti sħubija fl-Ewropa.

"Kull ġenitur u kull min illum qed jipparteċipa f'dawn il-programmi irid jpoġġi l-programmi edukattivi ta' l-Unjoni Ewropea fl-istess miżien li fihom ipoġġi il-benefiċċji, l-isfidi u l-problemi l-oħra li għandhom x'jaqsmu mas-sħubija u mhux jinżammu separatament. Ma nistgħux naħsbu li kemm jekk inkunu membri u kemm jekk le se nkomplu ngawdu minn dawn il-programmi bl-istess mod. L-Isvizzera ukoll qed titlob li jkollha l-istess status li għandha bħalissa Malta għax hi waħda mill-pajjiżi li resqin lejn sħubija.

Louis Galea feraħ lill-EUPU (European Union Programmes Unit) u lill-Kumitat tas-Socrates għall-impenn tagħhom tul dawn is-sentejn ta' parteċipazzjoni fil-programm Socrates u Erasmus. Il-Ministru feraħ ukoll lill-istudenti li qed jipparteċipaw u ħeġġiġhom jħarsu lejn din l-opportunità bħala opportunità ta' tagħlim, ta' żvilupp intellettwali u soċjali kif ukoll ta' ħbiberija bejn il-pajjiżi Ewropej. Il-Ministru temm iħeġġeġ lill-istudenti kollha ta' l-Università u oħrajn biex huma wkoll ifittxu dawn l-opportunitajiet ma jibżawx jieħdu l-isfida għax żgur ma jiddispjaċihomx.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow