Left arrow Go Back

Servizz ta' KwalitÀ Biex Int Tinqeda Aħjar

PR1464
Date Icon 22/10/2002

Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni għandha d-dmir li tiżgura li t-tfal Maltin ikollhom Edukazzjoni xierqa. Id-Dipartiment ta’ l-Operat, wieħed minn dawn is-sitt Dipartimenti fi ħdan id-Diviżjoni ta’ Edukazzjoni, jieħu fuq spallejh sehemhu minn dawn ir-reponsabbiltajiet. Ħarsa ħafifa lejn is-servizzi li dan id-Dipartiment joffri lill-pubbliku malajr turi kemm hi wiesgħa l-firxa tal-ħidma li jwettaq.

Fost affarijiet oħra, dan id-Dipartiment jieħu ħsieb:

  • Jagħti direzzjoni lill-iskejjel Primarji u Sekondarji statali, minbarra l-iskejjel Speċjali
  • Jara li r-regoli jkunu jinftiehmu u li jitwasslu b’komunikazzjoni tajba
  • Jara li jkollna skejjel ta’ kwalità
  • Jara li jkun hemm għalliema professjonali fl-iskejjel
  • Jara li jkun hemm komunikazzjoni tajba bejn l-iskejjel, id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, kif ukoll bejn l-iskejjel, il-kunsilli skolastiċi u l-ġenituri.

Id-Direttur tad-Dipartiment ta' l-Operat (Operations Department), Dr. Cecilia Borg, qalet li l-ħidma tad-Dipartiment ta’ l-Operat timmira li jkun hawn edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd u li jara li kull tifel u tifla fl-iskejjel tal-Gvern għandu dak li jinħtieġ biex jieħu edukazzjoni tajba.

X’qed iwiegħed id-dipartiment fil-Quality Service Charter?

L-ewwel u qabel kollox - li jagħti servizz ta’ KWALITÀ.

  • Billi jagħti għajnuna fil-pront lil min jitlob is-servizz u li kull informazzjoni li jirċievi titqies bħala nformazzjoni kunfidenzjali.
  • Billi l-ambjent jinżamm nadif u akkoljenti
  • Billi meta jitwieġeb it-telefon, l-uffiċjali jidentifikaw ruhhom mill-ewwel, u jippruvaw jaqdu lill-klijenti tagħhom fil-pront, b’manjieri xierqa u b’rispett
  • Billi l-ittri li jirċievu jintbgħatu tweġiba għalihom fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol. Meta l-materja tkun teħtieġ investigazzjoni fit-tul, tintbagħat twegiba sħiħa fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol.
  • Billi jsir dak kollhu possibbli biex l-applikazzjonijiet għal talbiet speċjali għad-dħul fl-iskejjel, jiġu pproċessati minn ta’ l-anqas erba’ ġimgħat qabel tibda l-iskola. Fil-kas tat-tfal tal-Kindergarten, il-ġenituri jkunu nfurmati permezz tal-Kunsilli Lokali meta għandhom jirregistraw it-tfal.
  • Billi jsir dak kollhu possibbli biex it-trasport tat-tfal lejn u mill-iskola jkun wieħed regolari, effiċenti u serju.
  • Billi jaħdem biex kull skola jkollha Kunsill Skolastiku u li dan jimxi fuq ir-regoli diġà mwaqqfa.
  • Billi kull informazzjoni li tingħata tkun ċara, korretta u aġġornata.

Għal dan is-servizz kollu, il-ħaddiema u d-dipartiment:

  • Marbutin li jagħtu opportunitajiet indaqs lil kulħadd
  • Marbutin li jkollhom l-informazzjoni meħtieġa u li jkunu ddedikati fix-xogħol u mħarrġin sew fil-proċeduri tad-Dipartiment
  • Marbutin li jwieġbu għat-talbiet li jsiru mingħand il-klijenti bl-aktar mod effettiv u professjonali
  • Marbutin li jipprovdu għajnuna professjonali lill-għalliema billi japplikaw riċerka, idejat u żviluppi moderni
  • Marbutin li jipprovdu għajnuna u pariri meta jkunu qed jaqdu lill-klijenti.

Dr. Borg qalet li barra minn hekk, b’dan iċ-Charter għal Servizz ta’ Kwalità, il-wegħda tad-dipartiment li jaghti servizz lill-pubbliku, se ssir waħda pubblika, u b’ hekk il-klijenti tiegħu, jiġifieri t-tfal, il-ġenituri u l-għalliema, ser ikunu jafu sew x’ għandhom jistennew mid-Dipartiment ta’ l-Operat.

Il-ħaddiema fid-Dipartiment, iwiegħdu li qed jidħlu għal dan il-proġett: BIEX INT TINQEDA AĦJAR.

Il-Ministru Louis Galea, qal li fil-Ministeru tiegħu, illum hemm diġà seba' Quality Service Charters f'diversi oqsma. Hu qal li b'dawn iċ-Charters qed niżguraw li kull min juża s-servizzi li joffru d-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, jingħataw servizz tajjeb, effiċjenti, fil-ħin u mingħajr ma wieħed ikollu joqgħod idur minn post għal ieħor.

Il-Ministru qal li minbarra t-titjib li qed isir f'kull dipartiment, il-Gvern qed jinvesti ħafna biex ikun jista joffri s-servizzi tiegħu permezz ta' l-Internet u dan biex il-pubbliku jkun jista jinqeda anke mill-kumdità tad-dar tiegħu stess. Il-Gvern qed jara wkoll li jiżdied l-aċċess għall-internet u l-e-mail permezz ta' diversi inizjattivi fosthom dak ta' tagħlim b'xejn għall-pubbliku fl-iskejjel statali filgħaxija.

Il-Ministru tenna li l-Gvern preżenti ħadem tul is-snin biex is-servizz pubbliku jtejjeb l-effiċjenza tiegħu u jgħolli l-livell ta' sodisfazzjon tal-pubbliku. Dan seħħ permezz tal-politika ta' deċentralizzazzjoni u permezz tal-ħidma kontinwa ta' ristrutturar u evalwazzjoni tas-servizzi li joffri l-istess Gvern.

Il-Ministru temm jgħid li filwaqt li l-Gvern qed jimplimenta l-E-Government irid jara li kulħadd ikollu aċċess u jingħata servizz ta' kwalità u għalhekk hemm bżonn li kull dipartiment jaħdem biex itejjeb is-servizz li joffri lill-pubbliku.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow