DISKORS TA’ L-ONOR. AUSTIN GATT, MINISTRU GĦALL-ĠUSTIZZJA U GVERN LOKALI F’EGĦLUQ IL-LAQGĦA TAS-SINDKI - GĦAJNSIELEM, GĦAWDEX – IS-SIBT, 19 TA’ OTTUBRU 2002
Sur President,
Sindki,
Meta bdejt xogħoli, il-Kunsilli Lokali Maltin kienu xjuħ ta’ ħames snin. Sa dak inhar il-Gvern kien wasal nofs triq fil-programm ta’ devoluzzjoni ta’ l-infrastruttura lokali lejn il-Kunsilli Lokali. Wara r-responsabbiltajiet oriġinali li ngħataw bil-liġi ta’ l-1993, il-Kunsilli Lokali ħadu responsabbiltajiet ġodda f’April ta’ l-1995 u wara f’April ta’ l-1996. Għal sentejn u nofs wara dak inhar il-proċess ta’ devoluzzjoni waqaf.
L-ewwel inizjattiva li bdejna nimplimentaw f’Ottubru ta’ l-1998 kienet il-proġett biex il-Kunsilli Lokali jieħdu f’idejhom propjetà pubblika li ma kinitx qed tintuża tajjeb biż-żejjed mill-Gvern. Dan ma kienx proġett simboliku. Għall-ewwel darba ġie introdott il-prinċipju li r-responsabbiltà ta’ Kunsilli Lokali m’hux bil-fors għandha tingħata minn fuq u għal kulħadd l-istess. Kunsilli Lokali joħolqu proġetti minn jeddhom b’riżq il-kommunitajiet tagħhom.
Il-Gvern, permezz ta’ din l-inizjattiva stabbilixxa l-prinċipju fejn propjetà pubblika li m’hix tintuża sew tista’ tkun ta’ ferm aktar fejda jekk tkun f’idejn il-Kunsilliera Lokali. Il-bqija ta’ l-istorja hu dak li ksibtu intom. Minn Marzu ta’ l-1999, ħadtu f’idejkom 42 biċċa propjetà madwar Malta u Għawdex u tlabtu għal 43 oħra li qed jitqiesu bħal-issa mill-Gvern biex jgħaddu f’idejkom. In-numru forsi ma jimpressjonax daqs kemm l-eżempji li rrid insemmi hawn biss bħala wħud mill-ħafna inizjattivi li ħadtu.
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li bidel id-Dar tal-Kejka minn attrazzjoni ta’ vandaliżmu u telqa għal ċentru ta’ laqgħat taż-żgħażagħ tar-raħal u ċentru edukattiv b’wirja tal-wirt Malti.
Il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li fetaħ għall-pubbliku l-Mitħna tax-Xarolla u għamilha attrazzjoni għal min irid jaqra din il-paġna mill-istorja ta’ l-irħula tagħna.
Bħalhom, it-Tunnara tal-Mellieħa, it-Torri tal-Għargħur, ix-xelters tal-Munxar u tal-Birgu. Dawn m’humiex biss xogħolijiet ta’ tindif, restawr u ftuħ għall-pubbliku. Din hi l-enerġija lokali li flok żvogata f’parrokjaliżmu u rivalità tissarraf f’monumenti li jqimu kull ma jagħmilna Maltin.
Issa din l-istorja qed timmatura wkoll kif mill-anqas tlett Kunsilli Lokali qed jistennew mill-Gvern jistabbilixxi politika biex propjetà pubblika, illum mitluqa, tgħaddi f’idejhom għal proġetti bi sħab mal-privat. Kelli okkażjoni ngħid kif naqbel fil-prinċipju ma’ dawn l-inizjattivi u kif impenjat li nara li d-diffikultajiet burokratiċi li jeżistu negħlbuhom mingħajr dewmien fl-interess ta’ kulħadd.
It-tieni proġett li dħalna għalih kien id-devoluzzjoni tal-libreriji lokali u reġjonali. Dan ukoll ma kienx biss proġett ta’ trasferiment t’assi. L-aktar effett importanti ta’ din l-inizjattiva kien li 35 librerija f’Malta u Għawdex kibru, f’kotba, xkaffar u spazju għall-qarrejja u, forsi l-aktar importanti, issa qed idumu miftuħa għal aktar siegħat biex jilħqu aktar qarrejja f’aktar ħin. Fil-librerija ta’ Ħaż-Żebbuġ minn self ta’ 7,850 ktieb fl-1998, is-self żdied għal 13,637 ktieb fis-sena 2001 – żieda ta’ 73%. Fil-librerija tan-Naxxar is-self żdied minn 9,257 għal 11,382 – żieda ta’ 23%. Fix-Xewkija, s-self żdied minn 1,333 għal 4,706 – żieda ta’ 53%.
Hawn ukoll stabbilejna prinċipju. Il-Kunsilli Lokali daħlu fil-ħajja soċjali u edukattiva tal-kommunità u ma baqgħux limitati biss biex jieħdu ħsieb li l-infrastruttura tinżamm miżbugħa u nadifa. Dan kien il-pilastru li fuqu bnejna l-proġett tal-politika elettronika lokali, iżda fuq dan ser ikolli ċans nitkellem aktar il-quddiem.
It-tielet inizjattiva li ħadna waslet fil-lokalitajiet tagħkom fi Frar ta’ l-2002. Dak inhar bdew jaħdmu l-Gwardjani Lokali u t-Tribunali Lokali li daħlu bis-saħħa tal-liġi li għaddiet bil-qbil ta’ kulħadd fl-1995.
L-ewwel ħaġa li tagħmel id-devoluzzjoni tal-poter ta’ l-infurzar tal-liġi differenti minn kull poter ieħor li ħadtu f’idejkom, hi li dan hu poter li jaf, potenzjalment, ma jagħmilkomx popolari. Minkejja dan, f’xi bliet u rħula Maltin, irnexxielna nnaqqsu s-sens ta’ kaos li aktar milli joffendi s-sensibilità ta’ min iħobb l-ordni, huma ta’ periklu għall-maġġoranza tal-Maltin li f’ħajjithom iħallu l-ħaddieħor bi kwietu.
Irridu issa nirfinaw il-kwalità tal-Gwardjani Lokali, il-kwalità ta’ liġijiet li ninfurzaw, u r-relazzjonijiet ta’ l-aġenti t’infurzar mal-pubbliku.
X’kienu l-akbar lezzjonijiet minn din l-esperjenza? L-ewwel żvilupp hu li stabilixxejna l-prinċipju li l-Ġustizzja f’pajjiżna m’għandiex għax tiġi bil-fors amministratta mill-Belt Valletta u mir-Rabat t’Għawdex.
It-tieni żvilupp hu l-ħolqien tal-Kumitati Konġunti. Fuq is-sisien tal-Kumitati Konġunti kif qed nirriformawhom flimkien, għandna nibnu l-istrutturi biex aktar funzjonijiet kumplessi wisq biex ikunu amministratti minn Kunsilli Lokali weħidhom jgħaddu minn idejn il-Gvern ċentrali u għall-aktar livell immedjat għal dawk li ser jintlaqtu minnhom.
Jien konvint li hemm ħafna aktar fejn napplikaw il-prinċipju tas-sussdijarjetà f’pajjiżna, u fil-Kumitati Konġunti qed jinħoloq l-ispazju ta’ fejn dan isir.
It-raba’ inizjattiva li ħadna tul dawn is-snin kienet id-devoluzzjoni tad-dwal tat-toroq. Din l-inizjattiva kellha kumplessitajiet tekniċi li ma jistgħux jitqabblu mat-temi l-oħra t’infrastruttura lokali li għandkom f’idejkom. Anke hawn, iżda, użajna din l-opportunità biex naraw li waqt li qed ngħaddulkom din ir-responsabbiltà ntejbu l-kwalità tax-xogħol f’dan il-qasam. Inħoloq għall-ewwel darba manwal ta’ saħħa u sigurtà għal dawk li jaħdmu fil-manteniment tal-bozoz, u ħloqna inventarju u sistema t’amministrazzjoni ta’ l-informazzjoni biex innaqqsu x-xkiel burokratiku għal servizz tajjeb lill-pubbliku.
Tlettax-il Kunsilli Lokali issa ilhom iħaddmu din is-sistema ftit xhur m’hux ħażin, u sa l-aħħar tas-sena se jsegwuhom madwar tletin oħra. Għad hemm Kunsilli Lokali li jidhru m’humiex entużjasti jidħlu għal din il-biċċa xogħol. Mill-ġdid l-eżempju ta’ l-entużjasti m’hux bil-fors ikaxkar ‘il kulħadd. Mill-ġdid iżda, dawk il-Kunsilli Lokali li, għax hekk jaħsbu li jaqblilhom jibqgħu lura, jridu finalment jagħtu kont t’egħmilhom lill-votanti tagħhom.
Il-ħames inizjattiva kienet id-devoluzzjoni tal-bus shelters. Bħal f’ħafna responsabbiltajiet oħra bħal-issa stess qed naraw il-qabża fil-kwalità li kienet konsegwenza diretta tad-devoluzzjoni. L-inizjattiva li ħadet l-Assoċjazzjoni tagħkom qed tissarraf fi prodott aħjar għall-klijenti tat-trasport pubbliku.
Is-sitt inizjattiva kienet il-liġi l-ġdida dwar il-liċenzji tal-kummerċ li neħħiet minn idejn il-pulizija l-amministrazzjoni ta’ liċenzji u permessi li llum jinteressaw Awtoritajiet bħal tat-Turiżmu, tat-Trasport u tal-Kummerċ. Bħal dawn, il-Kunsilli Lokali huma l-awtoritajiet illum kompetenti biex jagħtu permessi għal attivitajiet ta’ natura temporanja fil-lokalità tagħhom. Dan hu poter li jġib miegħu responsabbiltajiet sostanzjali li rridu nitgħallmu nħaddmu biż-żmien. Ir-responsabbiltà li toħroġ permessi biex tingħalaq triq ħa jaħdem fiha krejn, hi ukoll il-possibbiltà li f’daqqa jingħalqu l-possibbiltajiet kollha m’nejn wieħed jista’ b’karozza jmur minn post għall-ieħor. Kull Kunsill Lokali jrid jiżviluppa l-metodi ta’ xogħol tiegħu biex jintlaħaq l-għan li l-affarijiet ikunu ko-ordinati aħjar.
Kabbarna wkoll il-prinċipju li l-Kunsilli Lokali jiġġeneraw ir-riżorsi tagħhom għal xogħolhom u ma jiddependux biss fuq l-allokazzjoni ta’ kull sena li jgħaddi l-Gvern. Minbarra ż-Lm 2 miljun fis-sena mill-infurzar tal-liġi, hu stmat li l-Kunsilli Lokali se jkunu ġġeneraw bejniethom madwar Lm400,000 oħra mill-permessi temporanji.
Is-seba’ inizjattiva kienet dik li nrażżnu d-deficits fejn jeżistu. Fl-1998 kien hemm 23 Kunsill Lokali li kienu fi żbilanċ finanzjarju. Erbgħa minnhom kienu prattikament f’kundizzjoni ta’ falliment. Din kienet tendenza li qed tikber għax is-sena ta’ qabel biss, fl-1997, kien hemm ħmistax-il Kunsill Lokali b’deficit. Bi sforz flimkien – Gvern, Oppożizzjoni, Awditur Ġenerali, Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali – illum kważi ebda Kunsill Lokali ma jasal qrib li jirraporta żbilanċ finanzjarju. Wara sentejn ħidma intensiva mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, f’egħluq l-aħħar sena finanzjarja kien hemm biss tlett Kunsilli Lokali li kienu qed juru tendenza ta’ żieda fl-iżbilanċ tagħhom u anke dawn, fl-aħħar xaharejn, urew li reġgħu qabbdu r-riedni.
Dan kien riżultat importanti għalina lkoll għax bgħidna xi kritika li l-Kunsilli Lokali m’humiex użu tajjeb tal-fondi pubbliċi. Bl-istrutturi li waqqafna fid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali għandna l-għodda biex nassiguraw li l-qagħda traġika li konna wasalna fiha fl-1998 ma nerġgħu qatt naslu għaliha. Fl-1998 il-Kunsilli Lokali kienu bejniethom fi żbilanċ t’aktar minn Lm700,000. Sa Marzu li għadda, l-iżbilaċ trażżan għal Lm190,000.
It-tminn inizjattiva hi dik li qed timpenjana l-aktar magħkom f’dawn ix-xhur: il-politika elettronika lokali li żviluppajna flimkien fl-interess tar-residenti tagħkom. L-eGovernment hu r-rivoluzzjoni li qed nagħmlu ... it-tiġdid li għandna bżonn biex inwelldu mill-ġdid l-istrutturi ta’ kif naqdu lill-pubbliku. F’dan intom il-ħolqa li torbtu l-istrutturi tal-Gvern u tad-Dipartimenti u l-Aġenziji tiegħu mal-pubbliku li qegħdin biex naqdu.
It-teknoloġija toffri opportunitajiet u vantaġġi kbar, iżda hekk kif tkun qed tiżviluppa soċjetà ta’ l-informazzjoni, tista’ tfeġġ firda diġitali bejn dawk li jlaħħqu mat-teknoloġija u dawk li ma jlaħħqux. Irridu li ħadd ma jitħalla ‘l barra u kulħadd ikollu sehem attiv fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni ikunu x’ikunu iċ-ċirkostanzi finanzjarji, soċjali jew edukattivi ta’ dak li jkun.
Biex nilħqu din il-mira, irridu l-aktar naħsbu f’żewġ aspetti: it-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni u l-kommunikazzjoni jridu jkunu aktar aċċessibbli u li joqgħodu fi bwiet dawk li jaqilgħu anqas. Irid ikun hemm ukoll taħriġ u edukazzjoni dwar kif it-teknoloġiji l-aħjar jintużaw.
Huwa b’dan li magħkom qed niftħu ċ-ċentri għall-użu ta’ Internet fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex; u magħkom qed nibdew l-inizjattiva MyWeb biex inwasslu l-benefiċċji minn dawn l-għodda l-ġodda għand kulħadd.
Jidher ċar x’domanda kien hemm għal inizjattivi bħal dawn. Biż-żejjed ngħidilkom li meta nhar l-Erbgħa ftaħna r-reġistrazzjonijiet għall-korsijiet ta’ MyWeb, fi tlett siegħat u nofs daħlu 3,500 applikazzjoni.
Ix-xogħol tagħna flimkien jistrieh fuq il-fiduċja li l-parti l-kbira minkom għandhom l-istess viżjoni tagħna: li joffru servizz aħjar lill-pubbliku.
Mill-Gvern irid ikun hemm impenn lejn il-Kunsilli Lokali li jkun ġenwin u konsistenti. F’dawn l-erba’ snin urejna dan l-impenn fl-aktar mod ċar. L-awtonomija tal-Kunsilli Lokali tissarraf l-ewwel u qabel kollox f’kemm ikollhom riżorsi biex jaħdmu. Kull prinċipju fil-liġi jew diskors politiku ma jixhdu xejn daqs kemm jixhed kemm il-Gvern juri fiduċja fil-Kunsilli Lokali billi jtihom sehem akbar mill-ispiża pubblika x’jamministraw.
Kull sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, mingħajr eċċezzjoni, il-Gvern li nagħmel parti minnu jien żied il-finanzi tal-Kunsilli Lokali fuq is-sena ta’ qabel. Dan b’kuntrast mas-sentejn preċedenti fejn iż-żewġ allokazzjonijiet li ngħataw kienu anqas minn tas-sena ta’ qabel. Gvern Laburista f’sentejn qaċċat 18% ta’ l-allokazzjoni lill-Kunsilli Lokali. F’sentejn reġġajna lura dak it-tqaċċit u llum il-Kunsilli Lokali jieħdu 22% aktar fondi milli ħadu fl-1998.
Minbarra hekk ftaħna l-ispazju għall-Kunsilli Lokali biex ikabbru d-dħul tagħhom u ma jiddependux fuq il-ħniena tal-Gvern li jżid kull sena l-allokazzjoni finanzjarja. Illum il-Kunsilli Lokali jżidu b’20% id-dħul tagħhom ma’ dak li jgħaddilhom il-Gvern.
Nagħlaq bl-aktar żvilupp importanti li sar fil-qasam tagħna f’dawn is-snin. Ilkoll f’pajjiżna qbilna li l-Kunsilli Lokali qegħdin hawn għal kollox. Issa intom protetti fil-Kostituzzjoni tagħna. Inpoġġiha aħjar: id-dritt tas-sussidjarjetà li d-deċiżjonijiet jittieħdu fil-livell l-eqreb possibbli ta’ dawk li jintlaqtu minnhom, issa hu protett mill-Kostituzzjoni.
Naqgħlaq billi nirrangrazjakom għal dawn is-snin li ħdimna flimkien. Nirringrazja lil Ian Micallef u lil sħabu fl-Eżekuttiv ta’ l-Assoċjazzjoni tagħkom li kienu partners ġenwini, iżda negozjaturi iebsa fl-interess tagħkom, f’dawn l-inizjattivi kollha li semmejt. Nirringrazja lid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali u lid-Diretturi tiegħu li lħaqt nara fi żmieni: lil Maurice Caruana u Victor Rizzo li issa wkoll qed iħalli għal ta’ warajh it-tkomplija ta’ xogħolhom. U nirringrazja lilkom li anke wara l-kontribut transjenti tiegħi għax-xogħol tagħkom ser tkomplu tippromwovu l-idea li bdiet għaxar snin ilu.
Privileġġat li wara Eddie Fenech Adami, Charles Mangion u Freddie Portelli jiena wkoll tajt xi kontribut biex din l-idea timmaterjalizza fl-interess tal-Maltin u l-Għawdxin.
Grazzi
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928