MALTA TAGĦLAQ IN-NEGOZJATI FUQ IL-KOMPETIZZJONI U TILĦAQ FTEHIM FUQ SUSSIDJI GĦAT-TARZNARI
In-negozjati fuq il-Kompetizzjoni ngħalqu llum matul il-ħmistax-il laqgħa fi Brussel tal-Konferenza tas-Sħubija li saret f’livell ta’ deputati bejn Malta u l-Unjoni Ewropea. Malta kienet rapprezentata miċ-Chairman tal-Grupp ta’ Negozjaturi Maltin, is-Sur Richard Cachia Caruana.
Wara l-laqgħa tal-lum, Malta għalqet in-negozjati fuq total ta’ sitta u għoxrin settur, waqt li għadhom miftuħin għal taħditiet l-oqsma tat-Tassazzjoni, Dwana, Provvedimenti Finanzjarji u tal-Budget.
In-negozjati fuq il-Kompetizzjoni rrigwardaw il-kwistjoni politikament sensittiva tas-sussidji mħallsa lis-settur tal-bini u t-tiswija tal-vapuri. Malta talbet għal perijodu ta’ tranżizzjoni biex tkun tista’ timplimenta l-Pjan ta’ Ristrutturar ta’ seba’ snin fit-tarznari. Dan il-Pjan ta’ Ristrutturar se jneħħi s-sussidji matul perijodu ta’ seba’ snin li huwa meħtieg biex iwassal it-tarznari ta’ Malta għal vijabilità kummerċjali.
Waqt li indirizza l-Konferenza, is-Sur Richard Cachia Caruana laqa’ l-għeluq tan-negozjati dwar il-politika ta’ kompetizzjoni li huwa ddeskriva bħala wieħed mill-aktar kapitoli impenjattivi u politikament sensittivi. Huwa qal li Malta investiet sforzi u riżorsi konsiderevoli biex tħejji ruħha f’dan il-qasam għar-raġuni illi kienet konxja li pajjiż jista’ jiġi kkunsidrat biss bħala lest għal sħubija fl-UE jekk il-kumpanniji u l-awtoritajiet pubbliċi tiegħu jkunu mdorrija għad-dixxiplina tal-kompetizzjoni simili għal dik tas-suq uniku Ewropew.
Malta nnegozjat b’suċċess erba’ perijodi ta’ tranżizzjoni biex tkun tista’ taġġusta aħjar għas-sħubija. Dawn jirrigwardaw is-sussidji li jitħallsu għat-tarznari, inċentivi mogħtija lil intrapriżi skond dak li kien l-Att dwar Żvilupp Industrijali ta’ Malta, l-Att dwar il-Portijiet Ħielsa ta’ Malta u l-Att il-ġdid dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji, kif ukoll perijodu ta’ tranżizzjoni rigward il-liberalizzazzjoni gradwali ta’ l-importazzjoni, ħażna u bejgħ ta’ prodotti petroliferi.
Rigward it-tarznari, is-Sur Cachia Caruana qal li l-ftehim fuq perijodu ta’ tranżizzjoni sa tmiem l-2008 kien ta’ importanza u tifsira partikolari għal Malta. Huwa qal li dan jagħti biżżejjed żmien għall-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar ta’ seba’ snin ibbażat fuq strateġija li twassal it-tarznari għal vijabilità ekonomika. Huwa żied jgħid li ‘l-impennji li dħalna għalihom f’dan il-qasam juru r-rieda tagħna li nimplimentaw, b’mod sistematiku, proporzjonat u realistiku, dawk il-miżuri li huma meħtieġa biex nissalvagwardjaw u, tabilħaqq, inkattru l-prospetti futuri ta’ din l-industrija importanti f’Malta’.
Waqt li rrefera għal kwistjonijiet oħra, is-Sur Cachia Caruana qal li huwa stenna li fil-ġimgħat li ġejjin il-Konferenza għas-Sħubija tiltaqa’ aktar ta’ spiss biex tiftiehem dwar il-ftit suġġetti li baqa’, li jinkludu t-talba ta’ Malta li jkollha l-istess numru ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew daqs il-Lussemburgu, kif ukoll id-diskussjonijiet fuq il-protokoll għal Għawdex. Is-Sur Cachia Caruana rrefera wkoll għan-negozjati fuq l-agrikoltura dwar standards veterinarji u fitosanitarji u qal li f’dan ir-rigward, iż-żewġ naħat huma qrib ftehim fuq iż-żewġ kwistjonijiet li għadhom pendenti. Id-diskors li għamel is-Sur Cachia Caruana jinsab mehmuż.
Il-laqgħa kienet indirizzata wkoll mill-Ambaxxatur Poul Skytte Christoffersen f’isem il-Presidenza Daniża ta’ l-Unjoni Ewropea u mis-Sur Eneko Landaburu, Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għat-Tkabbir tal-Kummissjoni Ewropea.
L-Ambaxxatur Christoffersen iddikjara li “in-negozjati, ibbażati fuq il-prinċipji tal-mertu individwali u distinzjoni ta’ kull pajjiż, kif ukoll illi kull pajjiż għandu l-mezz li jlaħħaq mal-pajjiżi li bdew in-negozjati aktar kmieni, imxew skond ix-xewqat tagħna.” Huwa żied jgħid illi “il-konklużjoni tan-negozjati sa tmiem din is-sena, huwa għan li jista’ jintlaħaq fil-futur qarib”. B’riferenza għall-iStrategyPaper tal-Kummissjoni, l-Ambaxxatur Christoffersen saħaq illi "il-Kummissjoni għamlet għadd ta’ rakkomandazzjonijiet, waħda minnhom hija, ovvjament, illi pajjiżkom, flimkien ma’ disa’ pajjiżi oħra, ikun issodisfa l-kriterji tad-dħul u jkun lest li jsir membru ta’ l-Unjoni Ewropea fl-2004’’. Ir-rimarki magħmula mill-Ambaxxatur Christoffersen f’isem il-Presidenza huma mehmuża wkoll.
Da parti tiegħu, is-Sur Landaburu feraħ lil Malta fuq il-progress sinjifikanti miksub permezz tal-għeluq tal-kapitolu dwar il-Kompetizzjoni. Waqt li rrefera għal ftehim milħuq fuq it-tarznari ta’ Malta, huwa qal " il-ftehim ta’ ristrutturar se jagħti lil Malta l-opportunità li, fi ftit snin, ikollha industrija tat-tarznari vijabbli u kompetittiva." Rigward l-aspett veterinarju u fitosanitarju tal-kapitolu ta’ l-agrikoltura, is-Sur Landaburu ddikjara li hemm qbil fuq il-parti l-kbira tas-suġġetti f’dan il-qasam, li juri li qed isir progress sinjifikanti lejn l-għeluq tal-kapitolu dwar l-Agrikoltura. Waqt li rrefera għas-sitwazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tal-pajjiżi kandidati wara s-sħubija, is-Sur Landaburu kategorikament iddikjara li "il-Kummissjoni tinsisti li l-istati membri ġodda m’għandhomx ikunu f’qagħda finanzjarja agħar wara s-sħubija u li l-kumpens finanzjarju huwa previst biex jirrimedja sitwazzjoni bħal din.
Iż-żewġ kelliema laqgħu l-għeluq tan-negozjati fuq il-kompetizzjoni u esprimew it-tama tagħhom li d-diskussjonijiet fuq kwistjonijiet oħra diffiċli jkunu solvuti fil-ħin biex jikkonkludu n-negozjati, kif skedat, sa l-aħħar ta’ dis-sena.
Is-Sur Cachia Caruana kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur Victor Camilleri kif ukoll minn Graziella Pullicino mis-Segretarjat għan-Negozjati ma’ l-UE u uffiċjali mill-Ambaxxata ta’ Malta fi Brussel.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN