Miljun student jibbenefikaw mill-programm Erasmus
Matul is-sena akkademika 2002/2003, se jkun skambjat il-miljun student li ipparteċipa fil-programm Erasmus ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Programm Erasmus hu parti mill-programm Socrates. Il-Programm Socrates hu maħsub biex jippromwovi l-iżvilupp fil-qasam edukattiv fil-pajjiżi imsieħba fl-UE u pajjiżi li resqin lejn sħubija bħal Malta. Il-Programm Erasmus hu programm edukattiv iżda li jiffoka fuq l-istudenti ta' l-Universita'.
Bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, l-Organizzazjoni Ewropeja Associationdes Etats Generaux des Etudients de l’Europe (AEGEE) (European Student's Forum) flimkien ma organizzazjonijiet oħra ta' l-istudenti bħall-National Union of Students in Europe (ESIB) u l-Erasmus Student Network (ESN) qed jorganizzaw l-Erasmus Action Week bejn it-18 u l-25 ta' Ottubru. L-Ersamus Action Week se tkun ġimgħa mimlija attivita' f'madwar 150 lokalita' madwar l-Ewropa. Hawn Malta l-attivitajiet se jkunu organizzati mill-AEGEE Valletta bil-kollaborazzjoni ta' l-Uffiċju tas-Socrates fl-Universita'.
L-attivitajiet li se jkunu organizzati matul din il-ġimgħa jinkludu diskussjoni dwar l-iskambji ta' l-istudenti u l-mobilita', sessjonijiet ta' informazzjoni għall-istudenti u l-lecturers u ċelebrazzjoni uffiċjali. L-AEGEE se jtellgħu wkoll dak li qed jissejjaħ il-Villaġġ ta' l-Erasmus - wirja viżiva tal-lokalitajiet kollha li jipparteċipaw fil-programm Erasmus. Se jkun hemm ukoll stands ta' informazzjoni mill-MIC u mill-AEGEE stess biex jagħtu aktar tagħrif dwar il-programmi edukattivi ta' l-Unjoni Ewropea.
"Il-benefiċċji li qed jieħdu l-istudenti ta' llum u li finalment qed tieħu Malta mill-parteċipazzjoni tagħna fil-programmi edukattivi ta' l-UE huma ta' valur inestimabbli" sostna l-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea waqt il-ftuħ uffiċjali tal-Erasmus Action Week. Il-Ministru qal wara li Malta irnexxiela terġa tirriattiva l-applikazzjoni tagħha għall-sħubija fl-UE bdiet il-ħidma biex pajjiżna jibda jipparteċipa f'dawn il-programmi. "Għalkemm fil-bidu Malta kienet aktar qed timmira biex tkun parteċipant, illum Malta bdiet tieħu sehem aktar attiv u f'xi każi qed tmexxi u tikkoordina l-programmi hi stess" qal il-Ministru Louis Galea.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar l-opportunitajiet u l-isfidi li għandhom quddiemhom l-istudenti ta' l-Universita'. Hu qal li d-deċiżjoni li se jieħu l-pajjiż fix-xhur li ġejjin se tkun waħda li se tfisser ħafna għall-ġejjieni tal-ġenerazzjoni żagħżugħa għaliex se jkunu huma li se jaħsdu l-frott jew jiffaċċjaw il-konsegwenzi ta' din id-deċiżjoni. Hu għalhekk meħtieġ li l-istudenti u ż-żgħażagħ b'mod ġenerali jieħdu sehem akbar fid-diskussjoni li għaddejja bħalissa, u mhux biss dwar l-affarijiet li jaffettwawhom direttament iżda dwar l-oqsma kollha. Din id-diskussjoni trid tkun il-fuq mill-politika partiġġjana u trid tara x'inhu fil-verita' ta' ġid għall-pajjiżna. Trid ukoll tara x'inhuma l-isfidi li irridu niffaċċjaw u kif se nagħmlu biex kulħadd jimxi l-quddiem u ma jkunx hawn minn javvanza ghas-skapitu ta' ħaddieħor.
Il-Ministru qal li l-istudenti li bħalissa qegħdin fl-Universita' għandhom iħarsu lejn l-isħubija ta' Malta fl-UE bħala opportunita biex pajjiżna ikun parteċipant ewlieni fl-iżviluppi li qed iseħħu fl-Ewropa. “Opportunita` biex jimirħu f'suq ta' aktar minn 400 miljun ruħ. Opportunita` għal aktar taħriġ fil-livelli ogħla ta' l-Edukazzjoni fejn il-Maltin ikunu jistgħu ikomplu jistudjaw f'Universitajiet u istituzzjonijiet edukattivi oħra bl-istess kundizzjonijiet bħal sħabhom l-Ewropej u mhux ikollhom iħallsu eluf ta' liri aktar għall-istess kors. Opportunita` biex ngħixu f'ambjent aktar san. Opportunita` biex insaħħu l-ekonomija ta' pajjiżna. Opportunita` ukoll biex naraw lill-Ewropa tingħaqad u tgħix fil-paċi u fil-prosperita`,” sostna Louis Galea
Il-Ministru temm jawgura l-ġimgħa ta' attivitajiet ta’ l-AEGEE Valletta tkun suċċess u li jkun hemm aktar studenti li jifhmu x'inhuma dawn il-programmi u kif jistgħu jibbenefikaw minnhom biex b'hekk ikollna dejjem aktar studenti li qed jipparteċipaw b’gid ghalihom u ghal pajjizna.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928