STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT BI TWEĠIBA GĦALL-ISTQARRIJA MAĦRUĠA MILL-FEDERAZZJONI TAL-KAĊĊATURI, NASSABA U KONSERVAZZJONISTI
Il-Ministeru għall-Ambjent jirreferi għall-istqarrija maħruġa mill-Federazzjoni tal-Kaccaturi, Nassaba u Konservazzjonisti u jrid jikkjarifika certi punti.
Kuntrarjament għal dak li ġie allegat mill-Federazzjoni, il-laqgħa li se tinzamm bejn il-Birdlife Malta u l-Ministru għall-Ambjent ma taffettwax il-funzjonijiet ta' l-Environment Monitoring Board. Hi prattika normali li jinżammu laqgħat ma' organizzazzjonijiet individwali kif fil-fatt sar ma' l-istess Federazzjoni tal-Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti.
Il-Ministru għall-Ambjent ma jistax jaqbel ma' l-oġġezzjonijiet tal-Federazzjoni li jkun hemm laqgħa mal-Birdlife Malta. Li kieku kellu jaqbel mal-Federazzjoni dwar dan ikun ifisser li qed jaċċetta imġiba antidemokratika u mhux ċivili fejn kwalunkwe organizzazzjoni f'pajjiżna tassumi li għandha d-dritt li tiddetta jekk laqgħat għandhom jew m'għandhomx isiru!
Il-Ministeru għall-Ambjent jirreferi wkoll għall-allegazzjoni li t-taqsima ta' l-Administrative Law Enforcement fil-Korp tal-Pulizija qed tinforza regolamenti trivjali jew ta' barra minn żmienhom. Il-fatti juru mod ieħor minħabba li diversi kaċċaturi li ttieħdu passi kontrihom fl-aħħar tmien ġimgħat jinkludu persuni bla licenza, jew jinvolvu sparar fuq għasafar protetti u anke l-użu ta' mezzi illegali ta' kaċċa.
Il-Ministeru għall-Ambjent ifakkar li fl-aħħar tliet snin ħa miżuri biex jemenda regolamenti f'konsultazzjoni mal-Federazzjoni tal-Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti, mhux l-inqas biex ikun hemm sett ta' regolamenti ġusti li huma aċċettati minn kulħadd, li filwaqt li jissalvagwardaw it-tradizzjoni tal-kaċċa jwasslu biex jispiċċaw l-abbużi u prattiċi illegali. Hu ingust fuq il-Ministeru li l-Federazzjoni issa qed tipprova tagħti impressjonijiet kuntrarji.
It-twaqqif tal-Environment Monitoring Board kellu l-iskop li jkun hemm pjan ta' ħidma biex jikkumbatti attivitajiet illegali, u l-parteċipazzjoni tal-Federazzjoni fuq dan il-Bord kien pass pożittiv li għandu jinżamm. Il-Ministeru għall-Ambjent jinnota b'sodisfazzjon il-kundanna ta' diversi organizzazzjonijiet tal-kaċċaturi għall-qtil ta' ċinji, iżda jrid jingħad li n-numru ta' individwi li jiksru r-regolamenti għadu gholi ħafna. Hu wkoll ovvju għal kulħadd li l-isparar fuq il-baħar qed isir bl-aktar mod indiskriminat u hu diffiċli ħafna li jiġi kkontrollat u mmonitorjat.
Il-Ministeru għall-Ambjent qed isejjaħ lill-Federazzjoni, f' ġieħ l-istess kredibilita' tagħha, biex tagħmel aktar pressjoni fuq il-membri tagħha biex jirrispettaw il-liġi. Il-Federazzjoni tista' wkoll tgħin billi tgħaddi kwalunkwe informazzjoni relevanti lill-ALE u lill-Environment Monitoring Board.
Fuq din il-bażi, il-Ministeru għall-Ambjent hu konvint li irrispettivament minn laqgħat ma' organizzazzjonijiet individwali li jistgħu jsiru minn żmien għall-ieħor, l-Environment Monitoring Board jibqa' forum importanti u effettiv fejn il-partijiet jiltaqgħu flimkien biex jipprovdu rimedji effettivi kontra prattiċi illegali li huma kundannati minn kulħadd. B'dan l-iskop il-Ministru għall-Ambjent qiegħed isejjaħ hu stess laqgħa tal-Bord u se jassigura li jkollu l-ogħla rappreżentanza ta' l-entitajiet differenti involuti biex inkunu nistgħu nibnu fuq il-metodi pożittivi ta' koperazzjoni li diġa' ġew stabbiliti. Il-Ministeru hu fiduċjuz li l-Federazzjoni tal-Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti kif ukoll Birdlife flimkien ma' l-ogħla uffiċjali mid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent, il-Pulizija u l-Forzi Armati, ikunu f'qagħda li jifformulaw strateġija effettiva li tiggarantixxi l-aqwa infurzar tar-regolamenti tal-kaċċa. Fl-istess ħin il-Ministeru mhux lest jirrinunzja għad-doveri tiegħu f'dan ir-rigward.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN