TKOMPLI L-ĦIDMA BIEX TOGĦLA L-KWALITÀ FIL-PRODUZZJONI AGRIKOLA
Il-Ministeru ta’ l-Agrikultura u Sajd ħejja pjan ta’ azzjoni biex jassigura li l-bdiewa Maltin ikunu konformi mal-livelli tal-Eurepgap għall-iżvilupp ta’ Prattiċi Agrikoli Tajbin fil-produzzjoni ta’ patata mkabbra għall-esportazzjoni.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Agrikultura u Sajd Ninu Zammit meta, fil-Pitkalija dalgħodu, tkellem fis-sessjoni finali ta’ programm ta’ taħriġ għal uffiċjali u impjegati tekniċi mid-Dipartiment ta’ l-Agrikultura. Kienu preżenti wkoll rappreżentanti mill-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa, mill-Għaqda Bdiewa Progressivi u mill-Kooperattiva Ċentrali tal-Bdiewa li kienu mistiedna jattendu għall-kors bħala osservaturi biex ikunu f’pożizzjoni li jinfurmaw lill-membri tagħhom xi tfisser iċ-ċertifikazzjoni tal-Eurepgap u l-importanza tagħha.
Il-Ministru Zammit spjega li dawn il-livelli ta’ kwalità, ta’ Prattiċi Agrikoli Tajbin, qed jintalbu mill-kumpanniji kbar Ewropew tas-supermarkets u allura hu d-dover tal-Ministeru li jassigura li l-bdiewa li jkabbru l-patata, u anki eventwalment prodotti oħra, għall-esportazzjoni jingħataw it-taħriġ meħtieġ biex jimxu ma’ dawn l-istandards.
Hu semma wkoll li fis-snin li ġejjin ħafna mis-supermarkets u ħwienet Ewropej se jibdew ibigħu biss dawk il-prodotti agrikoli li jkollhom iċ-ċertifikat tal-Eurepgap. L-iskopijiet prinċipali ta’ dan iċ-ċertifikat huma li l-konsumatur jibqa’ jkollu fiduċja fil-kwalità u s-sigurtà tal-prodotti ta’l-ikel, li jonqos l-impatt negattiv fuq l-ambjent, li jonqos l-użu ta’ kimiċi li jagħmlu ħsara, li titjieb l-effiċjenza fl-użu ta’ riżorsi naturali u li jkunu assigurati s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiem.
Il-Ministru Zammit qal li biex il-bdiewa jiġu mħarrġa jilħqu dawn l-instandards, sar ftehim ma’ kumpannija Olandiża li tispeċjalizza fil-kontroll tal-kwalità u s-sigurtà fl-ikel, biex tħejji programmi ta’ taħriġ għal uffiċjali mid-Dipartiment ta’ l-Agrikultura. L-iskop hu li dawn l-uffiċjali jiffamiljarizzaw ruħhom mar-regolamenti tal-Eurepgap. Dawk li jtemmu l-kors b’suċċess jingħataw ċertifikat li permezz tiegħu jkunu jistgħu jibdew iħarrġu lill-bdiewa.
Dawk li segwew dan l-ewwel kors b’suċċess se jkunu assenjati lokalitajiet speċifiċi fejn titkabbar il-patata f’Malta u Għawdex u huma jagħżlu numru ta’ bdiewa f’dik il-lokalità biex iħarrġuhom u jagħtuhom pariri tul l-istaġun tat-tkabbir tal-patata. B’hekk inkunu qbadna t-triq biex jingħata l-għarfien li l-patata esportata minn Malta tkun tkabbret minn bdiewa ċertifikati mill-Eurepgap.
Il-ħsieb hu, qal il-Ministru Zammit, li l-bdiewa kollha li jkabbru l-patata għas-safar ikunu ċertifikati mill-Eurepgap fi żmien sentejn.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928