Left arrow Go Back

TISBIĦ TAL-PROMENADE TAX-XEMXIJA

PR1446
Date Icon 18/10/2002

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li bħalissa l-Gvern kien qed iwettaq diversi proġetti ta’ tisbiħ mal-pajjiż kollu. Dalgħodu l-Ministru żar proġett ta’ tisbiħ li qed isir tul il-promenade tax-Xemxija, f’San Pawl il-Baħar. Hu qal li x-xogħol fuq dawn il-proġetti kien f’diversi stadji, f’uħud ix-xogħol kien fi stadju avvanzat u mistenni li jintemm fix-xhur li ġejjin, filwaqt li proġetti oħrajn kienu jew fi stadju ta’ ippjanar jew jistennew il-permessi meħtieġa biex jinbdew.

Francis Zammit Dimech qal li fost il-proġetti li qed jitwettqu hemm l-aħħar fażi tal-proġett ta’ tisbiħ ta’ San Ġiljan, l-ewwel fażi tal-proġett ta’ tisbiħ fi Triq Wilġa/il-Bajja ta’ San Ġorġ, Misraħ Spinola, Triq Santu Wistin f’Paceville, il-promenade tul triq Zonqor f’Marsaskala, il-bajja ta’ San Tumas, il-promenade tax-Xgħajra u l-promenade tal-Qajjenza f’Birżebbuġa.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li żewġ proġetti oħra ta’ tisbiħ kienu qegħdin isiru fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar. Hu qal li f’Buġibba kien qed isir it-tisbiħ tal-blat għoli li hemm ħdejn il-kappella dedikata lin-Nawfraġju ta’ San Pawl. Francis Zammit Dimech qal li bħalissa qed isir xogħol fuq in-naħa tax-xellug tal-proġett, qed jinbnew żewġ ġibjuni għall-ħażna ta’ l-ilma biex jintuża għat-tisqija tas-siġar li jridu jitħawwlu fl-inħawi filwaqt li qed jitħejjew l-offerti għall-bini tat-taraġ tan-nofs, għall-pavimentar, għad-disinn u l-provista ta’ servizzi mekkaniċi u elettriċi. Hu qal li x-xogħol ewlieni tal-ġebel mistenni jitlesta sal-bidu tas-sena d-dieħla.

Francis Zammit Dimech qal li proġett ieħor li kien qed jitwettaq kien dak tat-tisbiħ tal-promenade tax-Xemxija. Dan il-proġett kien qed isir minn ħaddiema tal-Ministeru tar-Riżorsi u l-Infrastruttura bi sħab mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li kien qed jipprovdi l-materjal.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li dan il-proġett kien jiġbor it-tisbiħ ta’ 1.5 kilometri ta’ promenade li se jitwettaq fi tliet fażijiet differenti. Hu fakkar li x-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-proġett, parti mill-promenade twila 600 metru, beda f’Ġunju ta’din is-sena u mistenni jitlesta sa April tas-sena d-dieħla.

Francis Zammit Dimech qal li x-xogħol li qed isir jikkonsisti fil-qlugħ tar-railings eżistenti, bollards u bankina. Wara ġie iffurmat sottobank ġdid u tqiegħdu bollards ġodda. Dan ix-xogħol tlesta f’Awissu li għadda. Il-Ministru Zammit Dimech qal li bħalissa qed issir kurduna ġdida tal-bankina u qed jinbnew il-konok madwar is-siġar eżistenti. Hu qal li kien beda ukoll ix-xogħol fuq il-galleriji li jagħtu fuq in-naħa tal-baħar.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li hu maħsub li l-pavimentar bil-madum u l-landscaping jsir fil-jiem li ġejjin biex il-promenade ikun jista’ jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku. Wara titqiegħed l-għamara tal-promenade u lampi dekorattivi. Francis Zammit Dimech qal li sadattant kienu qed jitħejjew t-tenders għall-provista u twaħħil tar-railings tal-ħadid.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-proġett għat-tisbiħ tal-promenade tax-Xemxija kien prova oħra tar-relazzjonijiet tajba li kien hemm bejn il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar u l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Francis Zammit Dimech qal li l-ħidma bi sħab bejn il-Gvern u l-Kunsilli Lokali kienet qed tagħti riżultati mill-aktar pożittivi li qed iwasslu biex igawdu l-lokalitajiet u r-residenti.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow