Left arrow Mur Lura

DUN KARM IMFAKKAR FL-ISKOLA SEKONDARJA TA' ĦAŻ-ŻEBBUĠ

PR1443
Date Icon 18/10/2002

"Il-poeti huma dawk li jkejlu t-temperatura morali tal-pajjiż, u kull poplu għandu jirrispetta lill-kittieba tiegħu." Dan qalu l-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Dr. Louis Galea meta kien ikellem lill-istudenti ta' l-iSkola Sekondarja Dun Karm Psaila f'Ħaż-Żebbug, li fakkret id-data tat-twelid tal-poeta.

Il-kommemorazzjoni ħadet il-forma ta' mixja simbolika lejn il-monument tal-Poeta Nazzjonali, fejn l-istudenti poġġew bukketti tal-fjuri u ndaqq l-Innu Malti bil-kliem tal-Poeta Nazzjonali.

Dr. Galea qal li qegħdin ngħixu fi żminijiet importanti ta' sfida soċjali qawwija, fejn il-veloċita' ta' kif qed ngħixu ħajjitna jistgħu jnessuna li fil-ħajja hemm affarijiet oħra ta' valur profond, fosthom il-poeżija.

"Tkun tassew ħasra jekk il-poplu jinsa jiftakar fil-messaġġ tal-poeti tiegħu, kemm dawk mejtin kif ukoll dawk kontemporanji. Jekk tintesa l-poeżija, il-pajjiż ikun tilef parti essenzjali mill-kuxjenza tiegħu", insista l-Ministru Galea.

Meta rrefera speċifikament għal Dun Karm, il-Ministru stieden lill-istudenti jiftakru li belthom nisslet bniedem li kien jiċċelebra lin-nies komuni permezz tal-poeżija. "Il-ħaddiema ta' l-id, in-nisa ta' l-għelieqi u r-raħħala li jgħixu man-natura ilkoll sabu posthom fix-xenarju demokratiku li ħoloq Dun Karm", fakkar il-Ministru Louis Galea.

Hu żied jgħid li l-messaġġ ta' Dun Karm hu wieħed dwar is-sbuħija tas-sempliċita', xi ħaġa li l-lum, f'ambjent daqstant komplikat, nagħmlu tajjeb ħafna li napprezzaw.

Il-Ministru tkellem ukoll dwar l-imħabba li Dun Karm kellu għall-lingwa Maltija u kif bix-xogħlijiet tiegħu ta' aktar ħajja lil ilsienna. Il-Ministru qal li il-poplu Malti illum jgħożż u juża l-lingwa tiegħu aktar minn qatt qabel madankollhu irridu inkomplu naħdmu biex il-lingwa tagħna tibqa’ ħajja u tkompli tiżviluppa. Bil-poeżija inkomplu insaħħu u narrikkixxu il-lingwa tagħna. Il-Ministru temm jgħid li hu ta' ġid kbir li l-lingwa Maltija ġiet rikonoxxuta mill-Unjoni Ewropea u b'hekk mhux biss il-lingwa Maltija se tibqa’ tintuża b'mod regolari iżda se jkun hawn użu akbar u ħafna aktar nies li jużaw il-Malti inkluż l-Ewropej.

Il-kommemorazzjoni dwar Dun Karm kienet possibbli permezz tal-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru, il-Kummissjoni għall-Festi Nazzjonali u l-iskola sekondarja ta' Ħaż-Żebbuġ, li tat eżempju iehor ta' kif l-iskejjel jistgħu jieħdu inizjattivi komunitarji. Matul il-kommemorazzjoni, ma' l-istudenti u l-għalliema ingħaqdu wkoll il-ġenituri.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

Aktar Stqarrijiet Right arrow