Il-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali jinawgura l-FIERA DWAR L-INFORMATIKA U T-TEKNOLOGIJA
“Il-futur ta’ Malta huwa pożittiv ghax hawn Gvern li jaf fejn irid imur, għandna imprendituri li qed jgħarfu is-sinjali taż-żminijiet, u poplu b’hiliet u kapacitajiet biex jimxi l-quddiem u l-isfidi li joffri dan l-qasam jilqagħhom biex nagħmlu minn Malta l-aħjar pajjiż fir-reġjun tal-Mediterran.”
Dan qalu l-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali Austin Gatt meta kien qed jindirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet relatata mal-ftuħ ta’ l-IT & T Fair 2002.
Il-Ministru Gatt irrefera għaż-żmien li għaddejjin minnu bħala żmien li fih qed issir rivoluzzjoni. Prattikament f’dawn l-aħħar ħmistax-il sena rajna jitbiddel għal kollox il-mod kif nikkomunikaw, u anke il-mod ta’ kif taħdem is-soċjeta’ u l-ekonomija. Tbiddel il-mod kif nagħmlu l-kummerċ u l-mod kif il-gvern jagħti s-servizzi tiegħu. Minn perspettiva iktar wiesgħa din hi rivoluzzjoni li wasslet biex kif komunement ngħidu d-dinja kollha saret villaġġ żgħir.
Dr. Gatt kompla li, Malta hija parteċipi, mhux biss b’mod passiv, iżda parteċipi bħala eżempju ta’ kif pajjiż jistgħa juża t-teknoloġija l-ġdida bir-revoluzzjonijiet kollha li ġabet magħha għal titjib soċjali, kulturali u ekonomiku f’pajjiżna.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u Gvern Lokali kompla li l-ħolqien tal-Kummissjoni eMalta kien pass importanti ħafna, biex f’pajjiżna nikkomunikaw l-idea li kull Malti u Maltija irid jirrealiżża li jekk fi ftit snin oħra, (jekk hi kwistjoni ta’ snin) ma tkunx taf tuża kompjuter, tkun maqtugħ mill-ħajja soċjali u l-ħajja ekonomika.
Il-Kummissjoni eMalta ħadmet biex tippenetra l-istrati tas-soċjeta Maltija biex tagħmel programmi u inizjattivi biex tegħleb id-digital divide u jiġu megħluba l-problemi l-oħra.
Il-Ministru Gatt għamel referenza għall-inizjattiva myWeb, fejn minn Diċembru “ħa niftħu l-iskejjel taħna, u noffru kors ta’ 20 siegħa b’xejn lil min jrid jitgħallem il-kompjuter, lil min irid juża l-internet u lil min irid jitgħallem juża l-email”, kompla Dr. Gatt.
Din hija xhieda li l-kummissjoni eMalta mhix kumissjoni li tagħmel analiżi u rapporti biss. Din hija kummissjoni li qed tieħu inizjattivi biex fil-prattika tiżgura li l-informatika jkun midħla tagħha kulhadd. Il-Kummissjoni eMalta ħadmet ukoll biex jinħolqu is-sinerġiji fost partijiet li fl-imgħoddi kienu jsibu diffikultajiet biex jikkomunikaw ma’ xulxin.
L-inizjattiva myWeb hija xhieda ta’ kif l-eMalta ġabet flimkien lis-settur privat, l-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, l-Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali, l-Unions, l-Għalliema u lill-Kunsilli Lokali b’riżq l-kommunita.
Il-Ministru Gatt għamel referenza wkoll għall-inizjattivi li qed jittieħdu fil-qasam kummerċjali. Huwa semmgħa kif il-Gvern qed jaħdem biex l-inizjattiva tal-e-government tiżviluppa bl-involviment qawwi tas-settur privat lokali. Huwa importanti li l-izvilupp ma jsirx biss minn entitajiet governattivi, imma jsir id f’id ma kumpaniji li jezistu Malta. Riċentament saru diversi inizjattivi taħt il-kappa tal-e-government, fosthom ħames sejħiet għal proposti għal ħames sistemi differenti, u ser noħorġu sebgħa oħra, biex fl-iżvilupp li għandna bżonn, fit-time frames qosra li għandna, ninvolvu lis-settur privat malti.
Il-Ministru Gatt qal ukoll li li l-Gvern qed jaħdem biex tingħata spinta l-quddiem lill- ecommerce f’pajjiżna. F’ Jannar hu proġettat li nagħmlu emarket place fuq l-internet biex noħolqu l-possibilta li jkompli jiżviluppa l-ecommerce interna ma sistema ta’ ecommerce integrali fil-qasam ta’ l-importazzjoni u esportazzjoni.
Dr. Gatt kompla li huwa ironiku l-fatt li llum qed tiġi inawgurata fiera b’85 esebitur lokali fil-qasam tat-teknoloġija, meta ħmistax il-sena ilu kieku wieħed ppruva jagħmel fiera simili ħmistax il-sena ilu kien probabilment jiġi arrestat. Daqshekk mexa l-quddiem pajjiżna. Jeħtieġ li pajjiżna jkompli miexi, u għallhekk jeħtieġ li nxammru l-kmiem, kompla Dr. Gatt biex bil-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-Maltin pajjiżna jkun l-aħjar wieħed fir-reġjun tal-Mediterran.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en