FAŻI ĠDIDA FIR-RIFORMA TAL-KURRIKULU
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Dr Louis Galea, illum nieda fazi ġdida fit-twettiq tar-riforma fl-edukazzjoni permezz tal-Kurrikulu Nazzjonali l-ġdid.
Kapijiet ta’ skejjel tal-Gvern, tal-Knisja u dawk Privati flimkien ma’ għalliema u esperti qed jiltaqgħu fil-ġimgħat li ġejjin biex jiftiehmu dwar it-twettiq ta’ bidliet fis-sistemi, sillabi, u metodi li jridu jiġu applikati fil-klassi ma’ l-istudenti Maltin.
L-iskop hu li nersqu aktar lejn il-mira ta’ edukazzjoni bażika ta’ kwalita' għal kulħadd u rilevanti għall-ħajja tal-lum. It-twettiq ta’ din il-fażi qed issir minn diversi Focus Groups taħt it-tmexxija tal-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu mmexxi miċ-Chairperson Mary Vella, id-Direttur ta’ l-Edukazzjoni għall-Kurrikulu.
L-ewwel qasam li beda jiġi trattat din il-ġimgħa huwa l-evoluzzjoni tar-riforma fl-edukazzjoni tax-xjenza fil-livell sekondarju. Il-Kurrikulu Nazzjonali jitlob lill-iskejjel jikkonċentraw fuq il-bżonnijiet tal-bniedem fid-dinja tal-lum u jħejjuh għalihom. Qasam essenzjali hu dak tax-xjenza fejn ir-riforma ser timxi minn sistema ta’ tagħlim speċjalizzat ta’ suġġetti singoli (Fiżika, Kimika u Bijoloġija) għal sistema ta’ tagħlim tax-Xjenza Ko-ordinata (Co-ordinated Science). Is-sistema il-ġdida timmira li t-tfal kollha jingħataw bażi ġenerali b’saħħitha u ta’ kwalita' fir-rabta tax-xjenzi differenti fl-istess ħin li toffri spazju għal doża aktar qawwija ta’ tagħlim fis-suġġetti singoli tal-Fiżika, Bijoloġija u Kimika lil dawk l-istudenti li jkunu miġbudin aktar lejn dawn is-suġġetti.
Il-Ministru Louis Galea fisser il-bżonn li l-Kurrikulu tax-Xjenza illum għandu jemfasizza is-sehem kbir tax-xjenza fis-soċjeta` tal-lum. “Iċ-ċittadini kollha għandhom bżonn jiġu mgħallma biex jaffaċċjaw b’mod informat il-problemi ambjentali u esistenzjali tad-dinja illum. Dan ma jistax jibqa` il-privileġġ tal-ftit. Hu għalhekk li mill-bidunett il-Kurrikulu tax-Xjenza għandu jippromwovi ir-rabta intima li hemm bejn ix-Xjenza, it-Teknoloġija u s-Soċjeta`," sostna il-Ministru.
Il-Focus Group tax-Xjenza Ko-ordinata qed iħejji riforma mibnija fuq sistema fejn it-tagħlim separat tas-suġġetti singoli isir permezz ta’ moduli f’qafas ta’ tagħlim tax-Xjenza Ko-ordinata li jridu jagħmluh l-istudenti kollha, subien u bniet, mill-Form 1 sal-Form 5. Taħt is-sistema tal-lum il-biċċa l-kbira ta’ l-istudenti jinqatgħu mit-tagħlim tax-xjenza fl-aħħar tal-Form 2, u mill-Form 3 ‘l fuq ma jieħdu l-ebda taghlim fuq ir-rabta tax-xjenzi filwaqt li huma obbligati jagħżlu suġġett wieħed minn fost il-Fiżika, il-Kimika u Bijolġija. Dan qed iwassal biex in-numru ta’ dawk li jiksbu Certifikat tas-SEC f’xi wieħed minn dawn is-suġġetti huwa ftit. Xogħol ieħor f’dan il-qasam qed isir mill-Focus Group ta’ l-Edukazzjoni Primarja li qed jaħseb ukoll biex jintensifika l-espożizzjoni għax-xjenza sa minn eta` bikrija tat-tfal.
Iċ-Chairperson tal-Focus Group tax-Xjenza Ko-ordinata, s-sur Philip Bonanno, għalliem speċjalizzat fix-xjenza fil-livell sekondarju u post-sekondarju, qal li din il-ġimgħa u l-gimgha d-dieħla, l-Focus Group qed ilaqqa` l-Kapijiet kollha ta’ l-iskejjel u l-għalliema kollha f’dan il-qasam flimkien biex jidħlu fid-dettal u biex it-twettiq ta’ din ir-riforma issir il-ħin kollu b’konsultazzjoni u bl-involviment sħiħ ta’ l-għalliema involuti.
“B’hekk il-problemi u l-isfidi fuq il-bank ta’ l-iskola jinftiehmu aktar u jkunu jistgħu jiġu mgħeluba aħjar. Irridu li kulhadd japprezza l-bżonn li nipprovdu kurrikulu tax-xjenza rilevanti għas-seklu 21. Irridu nikkonvinċu lil kulħadd iħaddan il-proċess tar-riforma. Il-mira tagħna hi li niżviluppaw kurrikulu tax-xjenza flessibbli li jirrispondi għall-bżonnijiet differenti ta’ l-istudenti. Il-kurrikulu tax-xjenza fil-livell sekondarju għandu jkollu żewġ miri speċifiċi. Waħda li kulħadd ikollu bażi tajba ta’ litteriżmu fix-xjenza biex kulħadd ikun jaf jassumi ċertu responsabbilita` f’dinja mimlija xjenza u teknoloġija. U l-oħra li nattiraw ħafna aktar studenti li jsegwu karrieri fix-xjenza u t-teknoloġija. Litterizmu fix-xjenza jfisser li nesponu lill-istudenti għall-oqsma ewlenin u l-mistoqsijiet differenti li tqanqal ix-xjenza," spjega is-sur Bonnano.
Fil-ġimgħat li ġejjin Focus Groups oħra ser ikunu qed iwettqu ħidma simili bħal din f’oqsma differenti tal-Kurrikulu.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928