Left arrow Go Back

Messaġġ mill-Ministru ghall-Agrikultura u s-Sajd, l-Onor. Ninu Zammit, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta’ l-Ikel, nhar l-Erbgha, 16 ta’ Ottubru 2002

PR1425
Date Icon 15/10/2002

L-ilma hu indispensabbli għall-ħajja tal-bniedem u għal dak kollu li jgħix fuq wiċċ din l-art. Dan għaliex l-ilma jagħti l-ħajja, u jmantni l-ħajja. L-ilma hu l-għajn għall-għajxien tagħna, mhux biss għaliex mingħajru ma ngħixux, iżda wkoll għaliex mingħajru ma nipproduċux l-ikel li għandna bżonn. Għaldaqstant, l-ilma hu l-għajn li tassigura l-ikel li għandna bżonn. 

Din hi, fil-fatt, it-tema li ntagħżlet mill-Organizzazzjoni Dinjija ta’ l-Ikel, il-FAO, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta’ l-Ikel li qed ikun osservat illum, is-16 ta’ Ottubru. L-Ilma: għajn biex ikun assigurat l-ikel.

Dan hu l-messaġġ li l-FAO trid twassal lill-popli kollha. Nafu kemm miljuni kbar għad hawn fid-dinja li għadhom ibatu l-ġuħ. Il-ġuħ li jwassal għall-faqar, għall-mard u għall-mewt. Tant hi kbira din il-problema li, sitt snin ilu, f’laqgħa dinjija dwar l-ikel organizzata mill-FAO, il-mexxejja tad-dinja taw il-kelma li jagħmlu minn kollox biex sas-sena 2015, il-miljuni kbar li għadhom ibatu l-ġuħ jonqsu bin-nofs. Dan ifisser li n-numru ta’ persuni li jsofru mill-ġuħ jinżel għal madwar 400 miljun. Din iċ-ċifra ta’ 400 miljun tindika kemm għadu kbir dan il-flaġell. 

Għaliex intagħżel l-ilma bħala t-tema għal din is-sena? Dan għaliex l-ilma għandu rwol essenzjali fil-produzzjoni ta’ l-ikel li teħtieġ il-popolazzjoni fid-dinja biex tkun tista’ tgħix ħajja attiva u b’saħħitha. Popolazzjoni li kulma tmur qed dejjem tiżdied, u aktar ma tiżdied il-popolazzjoni  aktar tikber id-domanda għall-ikel, u aktar ma tikber id-domanda għall-ikel, aktar tiżdied  il-ħtieġa għall-ilma biex nipproduċu dan l-ikel. Hu ikkalkulat li sas-sena 2030, jiġifieri sa 28 sena oħra, id-dinja tkun teħtieġ 60 fil-mija aktar ikel milli teħtieġ illum. Madwar 80 fil-mija ta’ din iż-żieda trid tiġi minn ħidma agrikola b’użu ta’ ilma għat-tisqija.  

Għalkemm hu minnu li tliet kwarti mill-pjaneta li fuqha ngħixu hi miksija bl-ilma, nitfa biss minn dan l-ilma hi aċċessibbli għall-konsum. Hu kkalkulat li madwar 70 fil-mija minn dan l-ammont imur għall-produzzjoni ta’ l-ikel minn attività agrikola. F’ħafna pajjiżi, speċjalment fil-kontinent Afrikan, l-ilma hu skars u ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jużaw ħafna ilma b’mod li m’hux sostenibbli. Il-problema m’hix biss waħda ta’ nuqqas ta’ ilma, iżda wkoll waħda  ta’ kontaminazzjoni ta’ l-ilma. Tajjeb li jingħad ukoll li f’dawn l-aħħar ħamsin sena, id-domanda għall-ilma fid-dinja aktar milli ttriplat. 

Għall-grazzja t’Alla, f’pajjiżna ma nafux x’inhu l-ġuħ.  Anzi m’aħniex neqsin mill-ikel. Ħafna mill-ikel nipproduċuh aħna stess. U biex nipproduċu dan l-ikel, nużaw l-ilma. Aħna gżira żgħira, bla għejjun naturali ta’ ilma. La għandna xmajjar u lanqas għadajjar. Kulħadd hu konxju li b’mod partikolari fl-aħħar sentejn iffaċċjajna  problema ta’  nuqqas kbir ta’ xita.  

L-ilma hu indipensabbli. Tkun taf aktar kemm hu indispensabbli meta ma ssibux. Kien hemm żminijiet fejn anki aħna kellna problema akuta ta’ nuqqas ta’ ilma, saħansitra ilma tax-xorb. Illum nistgħu nipproduċu aktar milli għandna bżonn. Iżda qed inħallsu wkoll prezz għal din il-produzzjoni. Għax parti sostanzjali mill-ilma li nużaw hi ilma baħar dessallinat permezz ta’ l-impjanti tar-reverse osmosis, liema impjanti jużaw ħafna enerġija biex jitħaddmu.  

Qed nipproduċu wkoll ilma għat-tisqija tal-prodotti agrikoli u għall-industrija. Dan qed nagħmluh permezz tat-tisfija ta’ parti tad-drenaġġ li nipproduċu. Marbutin issa li sas-sena 2007 ma nibqgħux nitfgħu aktar drenaġġ mhux imsaffi fil-baħar, u allura rridu nibnu aktar impjanti biex sa dak iż-żmien inkunu f’pożizzjoni li nsaffu d-drenaġġ kollu.  

Naturalment f’pajjiża għad għandna problema ta’ ħażna ta’ ilma minħabba l-fatt li ħafna mill-ilma tax-xita li jinżel fuq pajjiżna jispiċċa jgelgell għal ġol-baħar. F’dan ir-rigward qed jitħejja pjan fit-tul biex din il-problema titrażżan. Dan il-pjan nirriferu għalih bħala l-programm ta’ run off water.

Għandna mbagħad l-ilma fir-riservi ta’ taħt l-art. B’dispjaċir ninnota li dawn ir-riservi ta’ ilma qed jintużaw bla kontroll b’mod partikolari mis-settur agrikolu. Hemm bżonn li kulħadd jifhem li jekk se jibqa’ jsir użu bla rażan se nitilfu din il-ħażna ta’ ilma naturali li għandna f’pajjiżna. Diġà f’diversi lokalitajiet il-kwalità ta’ l-ilma f’dawn il-ħażniet ta’ taħt l-art qed teħżien. Dan ifisser ukoll theddida għall-produzzjoni ta’ l-ikel permezz tal-biedja. 

Minkejja l-problemi li għandni kif semmejt, l-ilma f’pajjiżna għadna nsibuh kemm għall-użu personali tagħna kif ukoll għas-settur agrikolu u dak industrijali. Għaldaqstant jeħtieġ li flimkien naħdmu biex inħarsu dak li għandna u nimmaniġġjaw ir-riżorsi kollha ta’ l-ilma bl-aktar mod effiċjenti u b’mod integrat. Kulħadd jaf li mingħajr ilma, u speċjalment mingħajr ilma tajjeb, la nkunu nistgħu ngħixu aħna u lanqas inkunu nistgħu nipproduċu l-ikel li neħtieġu. 

F’dan il-jum li fih qed infakkru l-Jum Dinji ta’ l-Ikel għandna naħsbu wkoll f’dawk il-miljuni li qed imutu bil-ġuħ għax ma jsibux x’jieklu. Flimkien irridu nkomplu naħdmu biex jonqsu l-konflitti li ħafna drabi qed iwasslu  biex ikomplu jkabbru dan il-flaġell. Hu dover tagħna lkoll li b’mod tanġibbli nuru s-solidarjetà tagħna ma’ min qed ibati l-ġuħ, u bil-fatti nagħtu s-sehem tagħna ħalli tintrebaħ il-battalja kontra l-faqar u l-ġuħ. 

Nieħu din l-opportunità biex insemmi li fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta’ l-Ikel għal din is-sena, fl-iskejjel qed isir ġbir biex tkun megħjuna il-missjoni li qed twettaq is-Soċjetà  Missjunarja ta’ San Pawl fil-Perù.  Din is-soċjetà  qed tagħmel ħafna ġid partikularment fost il-fqar fil-periferiji  ta’ l-ibliet ta’ Arequipa u Lima. 

Bħal nhar il-Ħadd ġimgħa se nfakkru dan il-Jum b’quddiesa ta’ radd il-ħajr f’Birżebbuġa, u b’ċerimonja li magħtulha jingħata ġieħ lil dawk l-individwi li ħadmu jew għadhom jaħdmu għall-ġid tal-produzzjoni ta’ l-ikel f’pajjiżna. Isiru wkoll għotjiet ta’ prodotti agrikoli lill-istituti Maltin li jaħdmu fil-qasam filantropiku.  

Insellem lil kulħadd u nixtieqilkom ġid u saħħa lilkom u lill-familji tagħkom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow