STQARRIJA MILL-MINISTERU TA’ L-EDUKAZZJONI: Gvern b'Viżjoni Ċara fil-Qasam tat-Teknoloġija
Il-Kelliem ta' l-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, l-Onor. Evarist Bartolo reġa ta prova li mhux kapaċi jagħraf inizjattivi li huma ta' ġid għall-poplu. L-Onor. Bartolo uza statistika b'mod żbaljat biex jipprova jieħu gwadann politiku partiġġan fi żmien fejn il-Gvern qed jirnexxielu joħloq inizjattivi u jieħu passi konkreti biex f'pajjiżna il-qasma diġitali tingħalaq.
L-Onor. Evarist Bartolo jgħid li għax ma resqux aktar minn terz ta' l-istudenti tal-Form 5 għall-eżami tal-kompjuter din hi prova li f'pajjiżna hawn diżugwaljanza fit-tagħlim tal-Kompjuter.
Żball importanti li jagħmel l-Onor. Bartolo hu li jħawwad is-suġġett tal-Computer Studies mat-tagħlim bażiku fl-użu tal-kompjuters u t-teknoloġija ta' l-Informatika (I.T.). Il-Fatti huma li kulħadd jingħata t-taħriġ meħtieġ biex ikollu taħriġ bażiku fl-IT. Dawk li jixtiequ jispeċjalizzaw aktar fis-suġġett tal-kompjuters li jieħdu l-Computer Studies u joqghodu għall-eżami tas-SEC. L-eżami tal-Computer Studies hu komparabbli ma' dak tal-Chemistry jew ta' l-Economics fejn għal dawn l-eżamijiet applikaw 771 u 410 studenti rispettivament, komparat mal-1207 li applikaw għall-Computer Studies.
Donnu l-Kelliem ta' l-Oppożizzjoni lanqas jaf li kien dan il-Gvern li sena ilu beda joffri l-Computer Studies bħala optional subject fil-Junior Lyceums u din is-sena qed indaħħluh ukoll fl-iskejjel sekondarji kollha. Donnu li l-Onor. Evarist Bartolo ma jafx ukoll li minn din is-sena s-sillabu tal-IT inbidel biex l-istudenti kollha ikunu jistgħu jiksbu l-European Computer Driving Licence (ECDL), li hu ċertifikat li juri li wieħed kiseb l-għarfien meħtieġ biex juża l-kompjuter sew. Qed noffru ukoll, b'mod volontarju, korsijiet wara l-ħin ta' l-iskola biex dawk l-istudenti li diġa qegħdin fil-Form 5 ikunu jistgħu jiksbu l-ECDL ukoll.
Kien il-Gvern prezenti li snin ilu kellu l-viżjoni li pajjiżna jkollu r-riżorsi u t-taħriġ meħtieġ biex il-poplu Malti jkun minn ta' quddiem f'dan il-qasam u li wettaq programm estensiv biex dan iseħħ f'kull qasam. Kien Gvern Nazzjonalista li beda jdaħħal il-Kompjuters fl-iskejjel kollha tal-Gvern, kien il-Gvern tal-lum li ta l-Laptops lill-għalliema u żied l-investiment għat-taħriġ ta' l-għalliema. Kien ukoll il-Gvern prezenti li beda programm ta' networking biex il-kompjuters kollha jkollhom aċċess għall-Internet u kull student jingħata e-mail u webspace personali.
Kien ukoll dan il-Gvern li reġa fetaħ l-MCAST fejn wieħed mill-ewwel Istituti li infetaħ kien fil-fatt dak ta' l-ICT (Information and Communications Technology) b'madwar 20 kors ġdid u li fiħ hemm aktar minn 400 student full time u mal-150 student part-time.
Huwa taħt il-Gvern preżenti li nfetħu il-bibien ta' l-Universita’ u żdiedu l-korsijiet partikolarment dawk li għandhom x'jaqsmu ma’ l-informatika (bħal BSc. IT Hons) u t-tagħlim ta' l-Informatika (bħal B.Ed IT). Hu dan il-Gvern ukoll li issa qed jiftaħ l-iskejjel tiegħu biex joffri taħriġ lill-poplu b'xejn.
Huwa fatt li huwa dan il-Gvern li għandu viżjoni ċara f'dan il-qasam u huwa dan il-Gvern ukoll, li wettaq u qed iwettaq ir-revoluzzjoni teknoloġika li fiha qed jipparteċipa kullħadd.
Kull m’għandha l-Oppożizzjoni huwa rekord ta' biża mit-teknoloġija u resistenza għall-bidla, resistenza qawwija tant li taħt Gvern Laburista, kellek bżonn permess biex ikollok kompjuter u kellek tagħti garanzija li dan mhux ser itellef impjieg lil ħadd.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928